Lokali

“Il-lobby Soċjalista Malti mhux qed jagħmel xogħlu sew fil-Parlament Ewropew”

- Francis J. Vassallo, Eks-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u Espert Finanzjarju

Wara li nhar l-Erbgħa li għadda fil-Parlament Ewropew falla t-tentattiv tas-Soċjalisti Ewropej biex Malta titqies bħala ‘ġenna fiskali’ (tax haven), sorsi qrib is-settur finanzjarju ddikjaraw mal-gazzetta il-mument l-inkwiet għal Malta għadu ma għaddiex u appellaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll lill-Ewroparlamentari Laburisti biex b’mod konkret jaġixxu ħalli s-Soċjalisti Ewropej jifhmu li Malta mhijiex isservi ta’ ‘ġenna fiskali’ fejn jingħata lok biex jinħaslu flus li jkunu ġejjien minn attivitajiet illeċiti.

Nhar l-Erbgħa li għadda, il-Parlament Ewropew ivvota b’differenza żgħira – 327 favur, 327 kontra u 24 astensjoni – kontra emenda li ressaq il-Grupp tas-Soċjalisti li membri tiegħu huma l-Ewroparlamentari Maltin tal-Partit Laburista.

Mitlub jikkummenta minn il-mument, l-espert finanzjarju Francis J. Vassallo li jopera wkoll fis-settur finanzjarju spjega li “fis-sitwazzjoni tal-Erbgħa li għadda, kellna l-Parlament Ewropew maqsum eżatt, f’dik li hija votazzjoni. Dawk li għalihom Malta hi tax haven, u dawk li għalihom Malta għandha reġim normali fil-qasam tat-taxxi. Però l-votazzjoni ma kinitx biss dwar Malta, imma dwar blokk ta’ pajjiżi li huma l-Olanda, l-Irlanda u l-Lussemburgu, u li kien jinkludi lil Malta.”

Francis J. Vassallo żied jispjega li l-ħsara diġà saret għaliex Malta ġiet inkluża f’dan il-blokk ta’ pajjiżi, irrispettivament jekk għaddiex il-vot jew le.

“Il-każ hu wieħed pjuttost serju għax il-grupp tas-Soċjalisti, li suppost jafu aħjar, iddeċidew li jmexxu u jippromulgaw ir-riżoluzzjoni, li saret il-votazzjoni fuqha, biex il-pajjiżi msemmija jiġu trattati bħala tax havens. Dan kollu jfisser li l-Membri Parlamentari Soċjalisti Ewropej jew ma jafux kif taħdem is-sistema f’dawn il-pajjiżi kollha u għalhekk ivvutaw b’emozzjoni u mhux b’moħħhom, kif riedhom jagħmlu l-partit tagħhom, inkella dawn il-pajjiżi, fosthom Malta, għamlu biċċa xogħol ħażina immens meta ppruvaw jispjegaw kif taħdem is-sistema ta’ tassazzjoni.”

Francis J. Vassallo żied “lil Malta u lill-Maltin, dan ma jagħmlilniex unur għax ifisser ma konniex kapaċi nikkonvinċu lill-Membri Parlamentari Ewropej li kienu qed iħawdu bejn is-saltna tad-dritt u li tkun tax haven. Ktibt artiklu dettaljat f’gazzetta oħra fejn spjegajt kif teknikament ma tikkwalifika bl-ebda mod bħala tax haven u minkejja dan, ħadd ma ndenja ruħu jinforma lil dawn il-Membri Parlamentari Ewropej x’inhi d-differenza bejn is-saltna tad-dritt u sistema ta’ tassazzjoni.”

L-espert finanzjarju Francis J. Vassallo staqsa “kif jista’ jkun li fl-2007 kellek leġiżlatura li approvat unanimament li s-sistema ta’ tassazzjoni tagħna kienet kompatibbli perfettament mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja, imbagħad ikollok il-leġiżlatura ta’ wara tal-Parlament Ewropew li 50% minnha tgħid li Malta hija tax haven? Dan ifisser li l-Lobby Group (Soċjalista Malti) fl-Unjoni Ewropea mhux qed jagħmel xogħlu sew.

Intervista sħiħa fil-gazzetta il-mument