Bi gżira ċkejkna mdawwra bil-baħar, l-għawm fost il-Maltin huwa popolari ħafna fis-sajf. Ix-xtajtiet tal-gżejjer tagħna jkunu miżgħuda b’Maltin u turisti jiffriskaw irwieħhom ġol-baħar taħt ix-xemx tiżreġ tas-sajf Malti.
Iżda l-Ħadd filgħodu madwar 300 għawwiem, liebsin ta’ Santa Klaws u ta’ xi ċerva jew nanu tiegħu, inġabru fuq il-moll tal-Exiles f’tas-Sliema u qabżu l-baħar f’temperatura ta’ 18-il grad Celcius. Dawn l-għawwiema kienu qed jieħdu f’The Thomas Smith Christmas Charity Swim, liema għawma daħlet fid-19-il sena tagħha u kienet taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta. Ma’ dawn l-għawwiema ngħaqad is-Sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop, u għadd ta’ plejers tal-klabbs lokali tal-waterpolo.
Bit-temperatura tal-baħar iktar sħuna minn dik tal-arja, hekk kif l-ogħla temperatura tal-arja telgħet għal 15-il grad Celcius, l-ikbar sfida għal dawn il-parteċipanti f’din l-għawma kien il-ħin li jitilgħu lura fuq l-art f’temperatura iksaħ.
L-għawwiema għamlu kuraġġ lil xulxin u l-entużjażmu fosthom kien evidenti b’diversi parteċipanti jifirħu mal-qabża tagħhom ġol-baħar kiesaħ ta’ Diċembru. Innutajna kelb jifraħ mal-għawwiema fuq il-moll li kien qiesu tħajjar jaqbeż magħhom.
F’diskors qabel l-għawma, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat minn qalbha lill-parteċipanti qalbiena li sfidaw il-kesħa biex jgħinu lill-Malta Community Chest Fund. Ma’ tmiem l-għawma, il-President ippreżentat midalja ta’ apprezzament lil kull parteċipant.
Ritratti ta’ Roberto Runza
//= $special ?>