Lokali

“Kommessi li mmexxu politika għan-nies” – Adrian Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia tkellem f'kommemorazzjoni li saret fl-għeluq l-40 sena mill-mewt tan-Nutar tant maħbub fir-Rabat, Sammy Abela

“Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jimxi b’politika tan-nies, li tara li sal-iktar bżonnijiet bażiċi tal-poplu jiġu rispettati.” Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li s-Sibt filgħaxija attenda għal kommemorazzjoni fl-għeluq l-40 sena mill-mewt tan-Nutar tant maħbub fir-Rabat, Sammy Abela.

In-Nutar Abela hu missier Toni Abela u eks membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll in-nannu ta’ Sam Abela, kandidat tal-Partit Nazzjonalista.

Sammy Abela kien strumentali għar-Rabat, fejn f’diversi snin li dam jirrappreżenta lill-poplu wettaq proġetti bħall-bini taċ-Ċentru Ċiviku u l-Pjazza ta’ quddiem il-Kolleġġjata ta’ San Pawl. Fl-era tiegħu, fir-Rabat għall-ewwel darba saret triq bit-tarmak waqt li l-bdiewa u r-raħħala ngħataw is-servizzi tal-ilma u d-dawl li kienu tant importanti għalihom li bdew jiċċelebraw il-festa tal-ilma u d-dawl.

Fl-isfond ta’ dawn l-eżempji, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum ukoll il-poplu jistenna li l-politiku jkun qrib tiegħu u jifhem il-bżonnijiet tiegħu. “Ma rridux inkunu politiċi populisti imma bħal fi żmien in-Nutar Abela, illum ukoll drittijiet bażiċi bħad-dawl u l-ilma jaf ikunu sfida għal madwar mitt elf persuna fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna.”

Adrian Delia kompla li “Bħal Sammy, illum ukoll il-politika tista’ tkun għodda għan-nies. Irridu nagħmlu bħalu u ma narawx biss sal-ponta ta’ mneħirna, imma nħarsu lejn futur ferm aħjar għal pajjiżna. Nemmnu li pajjiżna jista’ jkun ferm aħjar.”

Filwaqt li sellem lil Toni u Sam Abela, Adrian Delia qal li għandu x-xorti li ħadem magħhom mill-qrib għaliex bħall-qarib tagħhom Sammy, jagħmlu mill-politika l-għodda li biha jgħinu lill-poplu u jistinkaw għal standards għolja fil-politika.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia kien akkumpanjat mid-deputat tad-distrett Beppe Fenech Adami.