l-FIAU kitbet lill-editur ta’ The Sunady Times of Malta biex tgħidlu li lesta tieħu azzjoni legali kontra l-gazzetta. Dan wara artiklu li The Times ippubblikat madwar ġimgħatejn ilu.
L-ittra li l-FIAU bagħtet lil The Times biex tgħidilha li lesta tieħu passi kontriha hija dwar artiklu li The Times ippubblikat fit-3 ta’ Diċembru – artiklu li fih intqal li l-eks Uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris qal li kien twaqqaf minn uffiċjal tal-FIAU milli jieħu l-Qorti file sħiħ b’rapport li kien ikkonkluda li hemm bażi għal passi kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi minħabba suspetti raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus.
Minflok, Ferris kien ingħata struzzjonijiet mill-FIAU biex lill-Maġistrat Aaron Bugeja, li qed jagħmel l-inkjesta dwar Egrant, joħodlu biss erba’ paġni flok il-file u r-rapport kollu.
L-istess artiklu ta’ The Times kien tkellem ukoll dwar laqgħa deskritta bħala ‘stramba’ li kienet saret bejn l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla u d-Deputat Diretur tal-FIAU Alfred Zammit. F’ritratt minn kamera tas-sigurtà li kien ippubblikat, Zammit jidher qed iżomm f’idejh file li kien identifikat bħala l-file li fih ir-rapport kontra Konrad Mizzi… l-istess rapport li Jonathan Ferris ma tħalliex jieħu l-Qorti fit-totalità tiegħu.
Kien dan l-artiklu ta’ The Times li wassal biex l-FIAU kitbet lill-editur ta’ The Times biex tgħidlu li lesta tieħu azzjoni legali kontriha sabiex tipproteġi l-integrità tagħha. Fl-ittra lil The Times, l-FIAU qalet li l-istorja ta’ The Times kienet waħda żleali u malizzjuza, peress li hu normali ħafna li jsiru laqgħat bejn l-FIAU u l-Korp tal-Pulizija.
Dwar it-theddid mill-FIAU fil-konfront ta’ The Times tkellem l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa, li f’post fuq Facebook innota dan l-attentat mill-FIAU biex tipprova ssikket lil min jikkritikaha.
David Casa, li fil-jiem li għaddew żvela li għandu fil-pussess tiegħu dan l-istess rapport dwar Konrad Mizzi, qal li mhux se jkun intimidat mill-ebda azzjoni legali li tista’ ssir. Żied jgħid li l-mod kif ir-rapport ġie midfun juri żewġ affarijiet: Jew il-mod kif l-FIAU naqset milli tagħmel dmirha sew, jew inkella, l-mod kif kienet kompliċi hi stess.
//= $special ?>