Sport Sport Ieħor

Mrieħel ESS jaċċertaw posthom fid-diviżjoni Elite tal-Futsal

Mrieħel ESS għelbu l-isfida tal-Universitarji u aċċertaw posthom fil-grupp tal-Elite, meta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-2. Kienu l-Universitarji li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Leo Muscat. Ħames minuti wara u fi tmiem l-ewwel taqsima, doppjetta ta’ Faisal Alnakoo poġġiet lil Mrieħel ESS fil-vantaġġ.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Jose Maria Aguilera Castellano reġa’ ġab l-iskor indaqs għal 2-2. Madanakollu Mrieħel ESS dehru li kienu l-aqwa fil-ġurnata u aċċertaw din ir-rebħa importanti għalihom b’gowls ta’ Alan Galea, Marwan Telisi u Ayoub Ahmad.

It-tim tal-kbar ta’ Swieqi United għeleb lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 5-4. Valletta temmew l-ewwel rawnd billi rebħu l-logħbiet kollha, meta għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 6-0. Ħamrun Tre Angeli għelbu lit-tim tal-Junior College bl-iskor kbir ta’ 20-0. Intant Luxol saħħew posthom fit-tieni post, meta għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 8-2.

Fil-klassifika tal-kampjonat, Valletta jibqgħu waħedhom b’punti massimi bi 33 punt, segwiti minn Luxol b’27 punt. Fit-tielet post insibu lil Swieqi United b’25 punt u warajhom Ħamrun Tre Angeli telgħu għal 22 punt. Mrieħel ESS telgħu fil-ħames post u b’hekk huma wkoll fl-Elite b’21 punt.

Fis-sitt post hemm it-tim tal-Università b’20 punt, segwiti minn Pietà Nordiska li baqgħu bi 15-il punt. Warajhom insibu lil Tarxien JMI u Qormi li għandhom disa’ punti. Fin-naħa t’isfel hemm Marsaskala b’sitt punti, it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bi tliet punti u t-tim tal-Junior College mingħajr l-ebda punt. Illum jintemm l-ewwel rawnd.

Logħob li jmiss

Għada

J. College vs Luxol        8.00pm

Tarxien JMI vs Qormi   9.15pm

Tags