Ir-rivalita` bejn dawk qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-ex Ministru għal Għawdex Anton Refalo kompliet tikber fl-aħħar jiem tant li f’laqgħa sensittiva, li seħħet fil-kawartieri tal-Partit Laburista kmieni l-ġimgħa li għaddiet, persuna mlaħħqa sew qalet li “lil Anton Refalo se noħorġuh għall-MEP biex neħilsu minnu.”
Sorsi ġodda fi ħdan il-Partit Laburista, li qed iħossuhom imwarrbin minn wara l-elezzjoni `l hawn, bdew iwasslu informazzjoni lil NET News fejn stqarrew magħna li s-sitwazzjoni fi ħdan il-Partit qed issir inaċċettabli bi klikek li jappoġġjaw lil Joseph Muscat u lil Konrad Mizzi, immexxija mis-CEO Laburista Randolph DeBattista, issa qed jaħdmu attivament biex iwarrbu lil dawk li jaħsbu li mhumiex se jobdu d-direttivi tal-mexxej fix-xhur li ġejjin. Fost dawn, hemm l-ex Ministru għal Għawdex Anton Refalo li qed ikun xewka fil-kus għal Joseph Muscat billi f’Għawdex qed jattakka lil Justyne Caruana li tifforma parti mill-klikka ta’ Muscat.
Skont dawk li huma qrib Anton Refalo, Muscat u ta’ madwaru ftit li xejn għandhom simpatija lejn Justyne Caruana, iżda jħossuhom dejjem obbligati lejn ir-raġel tagħha, l-Assistant Kummissarju tal-Pulizija Sivio Valletta. Tant hu hekk, li kien minħabba fih li Justyne ngħatat il-Ministeru t’Għawdex sabiex tibqa’ qrib id-dar fejn jgħixu, u mhux ikollha tinżel Malta kuljum, qalulna s-sorsi. Silvio Valletta bħalissa jinsab f’battalja legali mal-familja tal-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia, li qed titlob lill-Qorti, biex tneħħih mill-investigazzjoni tal-qtil tagħha, iżda l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex iżommu hemm.
Min-naħa tiegħu, Anton Refalo ma jidhirx li beħsiebu jaċċetta l-manuvra ta’ Muscat li biex jeħles minnu se jitfgħu Brussell. Dan ħareġ ċar il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament, meta l-ex Ministru Refalo qam biex jagħmel mistoqsija parlamentari lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana bil-għan li jumiljaha fuq l-istazzjon tal-Parlament li Malta u Għawdex kollha jistgħu jarawh.
Anton Refalo jinsab urtat ferm għad-deċiżjoni ta’ Justyne li għandha l-appoġġ tal-Prim Ministru sabiex tarmi għalkollox il-pjani tiegħu (ta’ Refalo) li tinbena qorti ġdida fil-kapitali Għawdxija l-Victoria. Minflok, Justyne Caruana beħsibha tmexxi l-Qorti Għawdxija fix-Xewkija, fortizza Laburista minn fejn hi ġġib ħafna voti. Jidher li kontra din id-deċiżjoni hemm wkoll l-avukati u l-membri tal-ġudikatura li qed jitkellmu apertament favur Anton Refalo f’din il-kwistjoni.
Fil-Parlament, Anton Refalo sostna li, bid-deċiżjoni ta’ Justyne Caruana, kienu se jmorru minn taħt il-bdiewa u r-raħħala Għawdxin li jagħmlu użu mill-pitkalija u l-biċċerija t’Għawdex fejn issa se tinbena l-qorti l-ġdida ta’ Justyne. Refalo pprova wkoll idaħħal id-dubju fil-kapaċitajiet tal-Ministru għal Għawdex li ħaditlu postu billi allega li mhux se jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea biex tinbena l-qorti l-ġdida, meta bil-proġett tiegħu ta’ qorti ġdida fir-Rabat Għawdex, dawn kienu assigurati.
Min-naħa tagħha, biex tipprova ma titfax nar fit-tiben, Justyne Caruana qalet biss li bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-qorti l-ġdida, iżda f’Għawdex l-Għawdxin jinsabu rrabjati għal Joseph Muscat li, wara li biegħ l-uniku sptar pubbliku tagħhom, issa se jispiċċaw la b’qorti ġdida fir-Rabat, kif ried Anton Refalo, u lanqas oħra fix-Xewkija, kif trid Justyne, u dan minħabba l-pika li teżisti bejniethom. L-Għawdxin li tkellmu magħna qalulna li qatgħu qalbhom li l-mexxej Laburista se jsib soluzzjoni bejn id-deputati Għawdxin dment li Refalo jibqa’ fil-Parlament Malti.
Hu għalhekk li l-unika soluzzjoni li sab Muscat hija li jipprova jeħles minn Anton Refalo billi joħorġu għall-MEP. Iżda dawk qrib Anton Refalo, li tkellmu ma’ ħbieb tagħhom Nazzjonalisti, qalu “ħasibna bċieċen il-Prim!” Huma jsostnu li, jekk Anton Refalo jċedi u joħroġ għall-MEP, il-Partit jibqa’ jaħdem kontrih biex ikun tilef kemm is-siġġu fil-Parlament Malti kif ukoll l-opportunita` li jitla’ f’dak Ewropew. “Irid jiffirma skrittura li jekk ma jitlax, jibqa’ fil-Parlament biex jikkunsidra l-offerta,” qalu ta’ Refalo.
Sadattant, f’Għawdex għadha għaddejja l-kwistjoni tal-ħaddiema li ġew impjegati mal-kuntratturi lejlet l-elezzjoni ta’ Ġunju, u li issa qed jagħmlu pressjoni fuq Justyne Caruana biex iddaħħalhom mal-Gvern.
Fi żmien il-leġiżlatura li għaddiet, Anton Refalo u dawk leali lejh kienu għamlu dak kollu li setgħu biex jiksbu l-akbar ammont ta’ voti possibbli għall-Ministru.
Mhux biss qdew lin-nies sal-aħħar jum ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, iżda lil Justyne Caruana ma tawhiex spazju biex hi wkoll tkun tista’ tagħmel il-kampanja elettorali tagħha.
Saħansitra l-ex Ministru Anton Refalo kien ikkapparra l-binja tad-Dar tal-Anzjani f’Għawdex u ma ħalliex lil Caruana – li kienet responsabbli mill-qasam tal-anzjani –tikkoordina u tmexxi dak l-investiment.
Fil-ġirja sfrenata għall-elezzjoni li għaddiet, l-ex Ministeru għal Għawdex u dawk viċin il-Ministru Anton Refalo kienu ħadmu biex jagħtu impjiegi mal-Gvern lill-akbar ammont ta’ Għawdxin possibbli, u niċċa fejn dan sar bil-goff kienet iċ-Ċittadella, fejn iddaħħlu bosta Għawdxin.
Il-problema ta’ ħafna minn dawn il-ħaddiema hi li issa, f’Diċembru, se jiskadilhom il-kuntratt u għalhekk għandhom problema x’se jkunu qed jagħmlu. Bosta minn dawn il-ħaddiema qatt ma basru li se jispiċċaw jiżfnu f’din is-sitwazzjoni għaliex qatt ma stennew li Joseph Muscat kien se jtajjar lil Anton Refalo minn Ministru għal Għawdex biex jagħmel lil Justyne Caruana.
//= $special ?>

