Lokali

Se joħorġu żewġ rapporti li jċanfru t-tmexxija ta’ Joseph Muscat

“Ir-rapport tal-FIAU, li nżamm moħbi, jikkonkludi li għandhom jibdew investigazzjonijiet kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi fuq akkużi ta’ allegat ħasil ta’ flus u l-possibbiltà ta’ flus li ġejjin minn attività kriminali.” – David Casa, Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew

L-Ewroparlamentari David Casa, li huwa wkoll il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew żvela ma’ il-mument, li fil-jiem li ġejjin se joħorġu pubblikament żewġ rapporti oħra li se jkunu qegħdin iċanfru t-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta

Wieħed miż-żewġ rapporti mfissra “importanti” huwa marbut maż-żjara li għamlet dan l-aħħar f’Malta d-delegazzjoni Ewroparlamentari fejn kienet mistħarrġa s-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta.

David Casa stqarr “nispera li l-Prim Ministru Joseph Muscat jagħti widen lil dak li se jkun qed jingħad fir-rapport finali.” Il-konklużjoni ewlenija minn dik iż-żjara tal-Ewroparlamentari li kienet saret fil-bidu ta’ dan ix-xahar kienet li “l-istituzzjonijiet Maltin huma dgħajfa u li s-saltna tad-dritt mhix qed taħdem kif suppost.”

L-impenji f’Malta ta’ din id-delegazzjoni Ewropea li tmexxiet mis-Soċjalista Ana Gomes kienu ġew fi tmiemhom b’konferenza tal-aħbarijiet fejn kien dikjarat mill-Ewroparlamentari li “jinsabu aktar inkwetati fuq is-saltna tad-dritt minn dak li kienu qabel ma waslu f’Malta.”

Matul din iż-żjara, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għażel li ma jattendiex għall-appuntament personali li kellu mad-delegazzjoni imma tfaċċa fil-laqgħa li d-delegazzjoni kellha mal-Prim Ministru fejn għażel li jaqra stqarrija preparata. Anki rappreżentanti tal-kumpanija Nexia BT għażlu li ma jiltaqgħux mad-delegazzjoni. Il-kumpanija ħadet ħsieb li tiftaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri.

Mhux eskluż ukoll li l-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qiegħed jinvestiga l-iskandlu tal-‘Panama Papers’ u l-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, fiż-żmien li ġej iħejju lista ta’ persuni Maltin u barranin li huma f’pożizzjoni li jistgħu jgħinu fl-investigazzjonijiet li qiegħed jagħmel il-Parlament Ewropew.

Se jkun żvelat ir-rapport li ħbiet l-FIAU

Intant, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew żvela wkoll li għadu qed jistudja u janalizza rapport ieħor; dak li l-Gvern Laburista ħeba u li l-Pulizija Maltija ma ħaditx azzjoni fuqu wara li kien tlesta mill-Financial Intelligence Agency Unit (FIAU). “Għax jien nemmen fit-trasparenza, u għax nemmen li rrid niġġieled il-korruzzjoni, meta jkun il-mument jiġi pubblikat dan ir-rapport bil-konswegenzi kollha li dan jista’ jġib miegħu,” qal ma’ il-mument David Casa.

Nhar is-Sibt, 2 ta’ Diċembru li għadda, l-Ewroparlamentari Casa żvela li hu kien jinsab fil-pussess ta’ dan ir-rapport tal-FIAU, u li kkonferma l-awtentiċità tiegħu. Dan ir-rapport, jgħid David Casa, jikkonkludi li għandhom jibdew investigazzjonijiet kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi fuq akkużi ta’ allegat ħasil ta’ flus u l-possibbiltà ta’ flus li ġejjin minn attività kriminali.

David Casa kien stqarr li dan ir-rapport tal-FIAU ilu lest minn Marzu li għadda , imma minkejja li għaddew disa’ xhur, inżamm mistur. Dan ir-rapport jasal għal individwi oħra, kumpaniji, intermedjarji finanzjarji u bank – kollha magħrufin għad-deals li saru minn nies qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ġimagħtejn ilu, David Casa talab lill-FIAU, lill-Avukat Ġenerali Peter Grech, lill-Ministru Edward Scicluna u lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jippubblikaw dan ir-rapport minnufih, jibdew jittieħdu passi kriminali kontra Konrad Mizzi u tintrefa’ r-responsabbiltà politika għall-fatt li ma ttieħdux passi qabel.

Interessanti wkoll li din il-ġimgħa, iċ-Chairperson tal-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew iddikjara li hu jemmen li kien hemm “flus maħmuġin” fil-mod kif ġie liberalizzat is-settur tal-enerġija f’Malta. Werner Langen għamel din l-istqarrija iebsa meta kien qed jindirizza lil numru ta’ ġurnalisti fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Langen għadu jittama li jkollu f’idejh “provi bil-miktub” illi kien hemm flus maħmuġa li għaddew fil-proċess tal-liberalizzazjoni tas-suq tal-enerġija.

Kien Gvern Laburista fl-ewwel leġislatura tiegħu li xpruna din l-idea li ssir power station taħdem bil-gass, bil-proġett eventwalment jittraforma ruħu f’forma ta’ tanker ankrat f’Marsaxlokk. Filwaqt illi fil-proġett tat-tanker hemm interessi mill-Ażerbajġan, l-impjnat tal-BWSC kien inbiegħ liċ-Ċiniżi tax-Shangai Electric.

Mal-ġurnalisti, Werner Langen tkellem ukoll dwar dawk li sejjaħ “problemi sistematiċi” fil-pajjiż u kif il-Parlament Ewropew għandu jibqa’ b’għajnejh fuq Malta.