Sport Waterpolo

Stevie Camilleri jiskorja sitt gowls ma’ Roma Nuoto fil-Kampjonat A2

Il-plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri kompla jispikka mat-tim il-ġdid tiegħu Roma Nuoto fil-Kampjonat A2 tal-Italja meta skorja sitt gowls. Madankollu dawn il-gowls ma kinux biżżejjed minħabba li Roma Nuoto tilfu 14-13 kontra Civitavecchia.

Roma qatt ma kienu minn taħt fil-partita, iżda ma rnexxielhomx jagħlqu l-logħba f’mumenti importanti. Huma bdew tajjeb u marru 2-0 b’gowls minn Roberto Africano u Stevie Camilleri. Il-plejer Malti għamilhom 3-1 b’Calcaterra jiskorja r-raba’ gowl, iżda Civitavecchia skorjaw żewġ gowls konsekuttivi.

Wara li l-avversarji ġabu d-draw fil-bidu tat-tieni taqsima, Camilleri u Innocenzi reġgħu skorjaw. Civitavecchia reġgħu skorjaw, iżda reġa’ kien Stevie Camilleri li żamm iż-żewġ gowls vantaġġ, bl-avversarji jiskorjaw biex id-distakk sa tmiem it-tieni sessjoni kien 7-6.

Fit-tielet sessjoni, wasal il-ħames gowl tal-plejer Malti li skorja minn penalty, b’Roma jibqgħu 10-8 minn fuq sa qabel l-aħħar sessjoni. Civitavecchia ġabu d-draw fil-bidu tar-raba’ sessjoni, iżda għal darba oħra, Stevie Camilleri għamel l-iskor 11-10 bis-sitt gowl personali.

Civitavecchia rkupraw żvantaġġ ta’ żewġ gowls, iżda qatt ma marru minn fuq ħlief għall-aktar muument deċiżiv biex spiċċaw rebbieħa.