Internazzjonali

Is-CIA għenet ixejjen attakk terroristiku f’San Pietruburgu

Il-President Russu Vladimir Putin ċempel personalment lill-President Amerikan Donald Trump talli s-CIA għenet ixejjen attakk terroristiku fir-Russja.
Informazzjoni li pprovdiet is-CIA lis-servizzi sigrieti Russi għenet biex ikun evitata attakk terroristiku fuq skala kbira f’San Pietruburgu. Aħbar li kienet konfermata kemm mill-Kremlin kif ukoll mill-White House.
Fi stqarrija, il-FSB, is-servizz sigriet Russu, qal li grazzi għall-informazzjoni li ngħatat mis-CIA, seba’ membri tal-ISIS kienu arrestati u sekwestrati ammont kbir ta’ armi u splussiv.
Il-grupp kien qed jippjana li jattakka post reliġjuż importanti f’San Pietruburgu u biex joqtlu kemm jistgħu nies. Jidher li fil-mira kien hemm il-Katidral ta’ Kazan.
Is-servizzi sigrieti Russi f’dawn l-aħħar ġranet żvelaw li tul l-2017 kienu xejnu 18-il attakk terroristiku.