Il-kowċ Serb Danilo Doncic se jkun qed imexxi lil Valletta wara li nhar il-Ħadd li għadda l-klabb kien ħabbar li Zoran Popovic mhux se jkun qed jibqa’ fil-kariga.
Għal Doncic dan se jkun ritorn mal-klabb Belti hekk kif fis-snin 90 kien ukoll plejer tal-istess klabb. Ma’ Valletta, bħala plejer Doncic rebaħ kull unur li hemm fil-futbol Malti u skurja 58 gowl fi 62 logħba.
Doncic mistenni jagħmel id-debutt tiegħu fuq il-bank ta’ Valletta nhar is-6 ta’ Jannar li ġej meta dawn jilagħbu kontra Senglea Athletic f’partita valida mill-Kampjonat BOV Premier.
Għal Doncic Valletta se jkunu t-tieni klabb li se jmexxi dan l-istaġun wara li kien qed imexxi lil St Andrews imma dam biss fil-kariga żewġ partiti.
Fil-kampjonat wara 14-il logħba, Valletta jinsabu t-tieni, punt taħt Balzan, b’disa’ rebħiet, tliet draws u żewġ telfiet.
Hibs se jibqgħu b’Miller
Il-kowċ ta’ Hibernians FC Mark Miller se jibqa’ fit-tmexxija tal-klabb bi qbil unanimu mill-membri tal-Kumitat.
Id-deċiżjoni ttieħdet wara laqgħa b’urġenza li saret il-Ħadd filgħaxija bejn il-kumitat u l-kowċ, ftit tal-ħin wara li Hibernians tilfu l-logħba kontra St.Andrews bi skor ta’ 2-1.
It-telfa kontra St. Andrew’s issegwi dik fis-Super Cup kontra Floriana u prestazzjonijiet mhux tajba fl-aħħar ġimgħat. Sitwazzjoni li ġabet kritika qawwija mill-partitarji tal-klabb.
//= $special ?>