L-ambjent f’pajjiżna mhux protett minn Gvern li “jrid jaqdi lil Alla u lix-xitan.” Iddikjara dan Godfrey Farrugia li fil-Parlament kien qed jitkellem wara li ressaq mozzjoni dwar il-kaċċa fil-Park tal-Majjistral.
L-avviż legali li ppreżenta l-Gvern, imħejji mis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri li hu stess kaċċatur, kienet twassal biex jiġi estiż il-ħin tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral, u allura jinbidel ukoll il-ħin li żjarat tal-istudenti tal-iskola fil-park, kif ukoll għall-pubbliku inġenerali kien se jonqos.
Fid-diskors tiegħu Godfrey Farrugia kkritika lill-Gvern li fi kliemu kien għaddas rasu meta għażel li jdaħħal l-avviż legali minkejja li ma kienx hemm qbil fil-bord maħtur mill-Gvern. Innota kif, bħalma titlob il-liġi tal-ambjent, ma saritx lanqas il-konsultazzjoni pubblika qabel ħareġ l-avviż legali. “Dan hu l-Gvern li jisma’?” staqsa Godfrey Farrugia.
Iddeskriva l-proċess ta’ konsultazzjoni bħala gimmick, karatteristika tat-tmexxija ġdida għaliex iridu jaqdu lil Alla u lix-xitan fl-istess ħin. “Fil-qasam ambjentali morna l-baħar, bil-Gvern li għandu bżonn twissija u twiddiba biex iħares il-morali ambjentali, il-ġid komuni tagħna lkoll, l-interess pubbliku, tal-familji, iż-żgħażagħ u t-tfal tagħna li huma ħerqana li jgawdu l-ambjent tagħna.”
Innota kif fiż-żona tal-Park tal-Majjistral, li hu park nazzjonali, ftit li xejn hemm żoni rurali u issa, bil-proposta tal-Gvern, anke dan il-ftit spazju miftuħ għall-familja se jiġi ristrett.
L-avviż legali issa hu pospost wara li l-Gvern qabel mal-emenda tal-Oppożizzjoni li tkompli d-diskussjoni quddiem il-bord maħtur mill-Gvern sakemm ikun hemm qbil.
//= $special ?>

