Kunsilli Lokali Lokali

Iż-żgħażagħ fis-soċjetà u fil-Kunsilli Lokali

Il-PN qiegħed f’punt li jħares aktar lil hinn dwar il-kontribut taż-żgħażagħ fil-poltika.

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon tal-15 ta’ Diċembru fuq il-paġna tal-Kunsilli Lokali.

Fil-ħarġa tal-ġimgħa l-oħra għamilna referenza għall-Vote 16, hekk kif il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN u l-Kelliem tal-Kunsilli Lokali Robert Cutajar qalilna aktar dwar il-kontribut taż-żgħażagħ, u kemm jistgħu jagħtu aktar anke permezz tal-vot. Iżda l-PN qiegħed f’punt li jħares aktar lil hinn dwar il-kontribut taż-żgħażagħ fil-poltika, speċjalment dawk ta’ 16-il sena.

L-impenn taż-żgħażagħ fir-riforma tal-Kunsill Lokali x’se jkun? Dawn se jkollhom vuċi aktar b’saħħitha? Għandu jkun hemm sena fejn żagħżugħ jista’ jivvota u żagħżugħ jista’ jikkontesta?

Iżda meta ngħidu impenn żagħżugħ, għandna nħarsu biss lejn il-vot 16? Użgur li le. Il-Partit Nazzjonalista qed jara u jevalwa impenji oħra li ż-żgħażagħ jistgħu jagħtu lejn il-komunità. Dan l-impenn ġa hemm ħafna żgħażagħ li qed jagħtuh, iżda x’jistà jsir biex dan ikompli jissaħħaħ?

Hawn wkoll nistgħu niftħu l-binari għal pjataforma oħra, il-Kunsilli Lokali, l-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-volontorjat, lejn l-impenn żagħżugħ, għandu jibqa’ biss li jagħti l-fondi biss? Il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu huma li jkunu innovattivi, u kif il-fondi huma importanti biex tgħin aktar il-volontorjat, l-istess huma l-ideat ġodda li b’xi mod jew ieħor se jolqtu s-soċjetajiet li l-Kunsilli Lokali huma mdawwrin bihom.

Minn ċertu aspetti xi drabi żgħażagħ iġarrbu xi forma ta’ stigma; li ma jagħtux każ, li ftit li xejn jieħdu interess eċċ.. Iżda madanakollu lkoll nafu li jekk iż-żgħażagħ se jiġu msejjħa biex jagħtu s-sehmom f’diskussjoni ta’ ideat, dawn żgur se jagħtu l-massimu tagħhom. Permezz tal-involviment taż-żgħażagħ, il-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu ferm eqreb ta’ dawn l-etajiet aktar minn qatt qabel. Permezz ta’ dan il-ħtieġa taż-żgħażagħ fit-tali lokal tkun qed tinstema’. Hekk ukoll il-Kunsilli Lokali jkunu qed jagħtu lok biex ikun hemm aktar involviment taż-żgħożija f’sens komunitarju.

Illum il-ġurnata ż-żgħażagħ jafu ferm aktar jekk jiġu mqabbla mal-ġenerazzjonijiet tal-passat. Illum dawn jafu aktar, iżda madanakollu jafu biżejjed biex ikunu fil-Kunsilli Lokali? L-impenn żgħażugħ fuq qasam elettorali, fejn dawn ikunu jistgħu jikkontestaw, għandu jibda minn ta’ 16?

Dan il-punt se jkun diskuss ukoll, jekk żgħażagħ ta’ 16-il sena għandhom jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, u jekk dan jiġri xi rwol jista’ jkollhom? Jistgħu jilħqu sindku? Permezz ta’ dawn il-punti issa l-Partit qiegħed jistaqsi, sa fejn għandu jasal iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena?

Hawn jitqajjmu bosta punti li f’każ li dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jikkontestaw dawn kif se jleħħqu mal-istudji u l-ewwel xogħlijiet li jkollhom? Kif se jleħħqu mal-problemi, kwistjonijiet u telefonati mir-residenti? Dan se jkun possibli min-naħa taż-żgħażagħ? Jekk dan jiġri, liż-żgħażagħ għandna nillimitawhom biss għad-dekasteri taż-żgħażagħ, jew le?

Dawn il-punti kollha l-PN se jkompli jwettaq diskussjoni dwarhom flimkien ma’għaqdiet taż-żgħażagħ li hawn f’pajjiżna. Fosthom qed jittama li jiltaqa’ mal-KNŻ, SDM u Pulse biex il-Partit ikompli jiftaħ il-binari t’ideat fuq l-irwol taż-żgħażagħ f’kuntest elettorali, u f’kuntest ta’ x’ħidma jista’ jwettaq fil-komunità lokali.