Internazzjonali

Jieħu l-ġurament tal-ħatra l-Gvern il-ġdid fl-Awstrija

Sebastian Kurz jasal għall-ġurament tal-ħatra.

Sebastian Kurz, it-Tnejn ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-Kanċillier il-ġdid tal-Awstrija biex hekk sar l-iżgħar mexxej fl-Ewropa. Hu għandu 31 sena. It-Tnejn ukoll sar parti mill-Gvern il-Partit tal-Libertà (FPO) – l-ewwel darba li f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea hemm fil-Gvern estremisti tal-lemin.
Dan wara li l-Partit tal-Poplu (OVP) ta’ Kurz ingħaqad f’koalizzjoni magħhom.
Waqt il-ġurament tal-ħatra quddiem l-uffiċċju tal-President Alexander Van der Bellen, kien hemm protesta minn madwar 6,000 persuna kontra l-preżenza tal-FPO fil-gvern.
Il-Ministeri marbuta mas-Sigurtà, l-Intern u d-Difiża, ingħata lill-politiċi mill-FPO flimkien mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Il-mexxej tal-FPO, Heinz-Christian Strache, hu l-Viċi Kanċillier.
l-OVP, apparti Kurz bħala Kanċillier, għandu seba’ Ministeri b’responsabbiltajiet li jinkludu l-Finanzi, l-Ekonomija u l-Ġustizzja.
Iż-żewġ partiti wiegħdu li fil-gvern kienu se jagħmluha aktar diffiċli biex jingħata kenn fil-pajjiż lill-immigranti.