Meta tista’ ssir mozzjoni fil-Parlament? Per eżempju mozzjoni dwar sfiduċja f’xi Ministru? Hemm ksur ta’ privileġġ jekk tiġi interċettata xi telefonata ta’ xi membru Parlamentari? U jekk Deputat ikun dieħel il-Parlament, il-ġurnalisti sa fejn jistgħu jaslu meta jmorru jintervistawhom b’mod li ma jkunx hemm fastidju?
Dawn il-mistoqsijiet kollha, u ħafna oħrajn, jiġu mwieġba f’ktieb ġdid ippubblikat mill-Parlament ta’ Malta, u li ġie mniedi waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Il-ktieb ‘Is-Sedja Titkellem’ huwa filfatt ġabra sħiħa ta’ rulings mogħtija tul is-snin. Ir-rulings huma deċiżjonijiet tal-Ispeaker li għandhom valur bħala regoli tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Filfatt, meta fil-Parlament tqum xi kwistjoni, ħafna drabi l-Ispeaker tal-ġurnata jħares lejn ir-rulings tal-passat biex jieħu direzzjoni dwar x’għandha tkun is-soluzzjoni.
Fl-introduzzjoni tiegħu għall-ktieb ‘Is-Sedja Titkellem’, l-Ispeaker preżenti Anġlu Farrugia jispjega li l-ktieb jiġbor fih ir-rulings kollha li ngħataw minn meta Malta saret pajjiż indipendenti fl-1964 sal-ġurnata tal-lum – jiġifieri rulings mogħtija fi ħdax-il leġiżlatura.
F’dawn il-leġiżlaturi kollha kien hemm 431 deċiżjoni li ngħataw minn numru mdaqqas ta’ Speakers u Deputy Speakers – fosthom Pawlu Xuereb, Lawrence Gonzi, Louis Galea, Michael Frendo, Frederick Azzopardi u Ċensu Galea.
Għat-tnedija ta’ dan il-ktieb kien hemm preżenti d-Deputat Speaker Claudette Buttigieg kif ukoll il-Whips taż-żewġ gruppi Parlamentari, fosthom id-Deputat Robert Cutajar għall-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>
