Lokali Parlament

“L-emenda tal-Partit Nazzjonalista hi prudenti” – il-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera

Il-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera laqa’ l-emenda tal-Partit Nazzjonalista biex issir iżjed konsultazzjoni qabel il-Gvern iressaq avviż legali li jwassal biex ikun estiż il-ħin tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral.

“Nilqa’ l-proposta tal-Partit Nazzjonalista u ma nsibx diffikultà li l-emenda tal-Partit Nazzjonalista tiġi aċċettata għaliex hi emenda tgħid li l-liġi, la qiegħda hemm tibqa’ hemm, iżda titlob li ssir iktar konsultazzjoni,” iddikjara fid-diskors tiegħu l-Ministru Herrera.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri kkritika lil min hu kontra din il-proposta bir-raġunament li l-estensjoni tal-ħin tal-kaċċa jġib riperkussjonijiet u qerda. Qal li bl-istess raġunament għandna ngħidu li n-negozju u l-kummerċ għandu jieqaf u l-bini ta’ propjetà wkoll
għaliex dawn ukoll jagħmlu ħsara lill-ambjent u jġibu l-qerda.

Roderick Galdes, hu wkoll Segretarju Parlamentari, fisser iż-żona tal-Park tal-Majjistral bħala żona tad-delizzji iżda qal li dan il-Park m’għandux jitqies bħal presepju fejn kollox jinżamm kif inhu. Saħansitra kkritika lill-bord imwaqqaf mill-Gvern biex jiddiskuti suġġetti ambjentali bħal din tal-akċċa u qal li “sfortunatament dan hu kumitat iddominat minn għaqdiet ambjentali li ma jaħdimx b’sinerġija.

Alex Muscat laqa’ l-emendi tal-Oppożizzjoni għaliex fisser il-kritika bħala waħda proattiva. Hu appella biex dan l-argument ma jitwassalx sal-estremiżmu iżda li ssir diskussjoni sana.

Fid-diskors tiegħu, Clayton Bartolo qal li dan hu Park li mhux dejjem kien jeżisti u fid-dawl ta’ dan ikkritika lil min qal li b’xi mod irid jikkontrolla kif isiru l-affarijiet u min qed jipprova jdaħħal restrizzjonijiet fuq dan il-post. Ikkritika wkoll lil min imur jikkampja fiż-żoni tal-madwar, fejn issir ukoll il-kaċċa, għaliex qal li dawn li suppost taħraqhom qalbhom għall-ambjent minflok iħallu ħmieġ imxerred ma’ kullimkien u jaqtgħu s-siġar biex jużaw il-bażi tagħhom bħala mejda jew biex jaħarqu l-injam għall-BBQs. Fid-dawl ta’ dan talab li din l-emenda tiġi megħluba.

Kritika wkoll minn Robert Abela, li qal li f’dan il-każ ma kienx hemm il-bżonn li ssir konsultazzjoni pubblika qabel tressaq l-avviż legali. Affermazzjoni li qanqlet kritika minn Godfrey Farrugia, li f’punt ta’ informazzjoni qal li dan mhux minnu għaliex konsultazzjoni pubblika hi mitluba mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Robert Abela kompla billi qal li l-mozzjoni ppreżentata mill-Oppożizzjoni trid twaqqaf lill-kaċċaturi milli jikkaċċjaw fil-Park tal-Majjistral. Mill-ġdid id-diskors tiegħu qajjem punt ta’ ordni b’Marlene Farrugia tgħid li din hi dikjarazzjoni falza fil-konfront tal-Partit Demokratiku. “Robert Abela, int giddieb,” iddikjarat Marlene Farrugia, liema terminu kien irtirat, b’Marlene Farrugia tgħid li Robert Abela qed jgħid kelma b’oħra.

Iddikjara li hu jaqbel li jsir proċess ta’ konsultazzjoni, iżda qabel biss beda dan, iddikjara li hu se jivvota kontra l-emendi u qal li l-avviż legali bl-ebda mod m’għandu jintmiss jew jinbidel minn kif inhu bħalissa.