Internazzjonali

IT-TRAĠEDJA TAL-2013 BEJN MALTA U LAMPEDUSA: Fis-16 ta’ Frar mistennija tibda l-kumpilazzjoni

Ir-rapport ta' Edoardo Izzo f'La Stampa

Żewġ Kmandanti tal-Militar u tal-Guardia Costiera Taljana mistennija jitressqu l-Qorti xahrejn oħra akkużati b’nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tagħhom fit-traġedja ta’ 4 snin ilu meta ‘l barra minn Lampedusa kienu tilfu ħajjithom mat-300 Sirja – fosthom 60 tifel u tifla.

Ġurnali fl-Italja qed jirrappurtaw illi l-Prokura ta’ Ruma talbet li tibda l-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Luca Licciardi u Leopoldo Manna. Iż-żewġ uffiċjali qed jiffaċjaw l-akkuża ta’ qtil volontarju fil-każ li jmur lura għall-11 ta’ Ottubru, 2013.

Dakinhar, id-dgħajsa tal-immigranti kienet f’ibħra ta’ salvataġġ Maltin. Iżda ferm eqreb lejn Lampedusa, u qrib tal-bastiment Taljan Libra.

Minkejja dan, it-Taljani baqgħu jinsistu mas-Sirjani li “għandhom iċemplu lil Malta”, kif jixhdu wkoll diversi komunikazzjonijiet li ġew żvelati mir-rivista L’Espresso aktar kmieni din is-sena.

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-awtur Taljan Fabrizio Gatti kien stqarr mal-programm NET LIVE illi l-Gvern Malti kien “gawda indirettament” minn din it-traġedja. “L-awtoritajiet baqgħu fis-silenzju wara dan iż-żmien kollu”, kien sostna Gatti.