Edukazzjoni Lokali

FILMAT: L-ispirtu festiv mal-lingwa u l-kulturi fl-iskola medja ta’ Bormla

Is-sala tal-iskola medja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita għal ġurnata waħda daret f’fiera tal-lingwi u l-kulturi. Ġimgħa qabel il-Milied, it-tmexxija tal-iskola għażlet li torganizza attività biex tgħaqqad flimkien l-ispirtu festiv flimkien mat-tagħlim dwar il-kulturi ta’ pajjiżi differenti.

Dan hekk kif l-iskola organizzat Language Christmas Fair. Aħna morna naraw u tkellimna mal-Kap tal-Iskola Ms. Charmaine Elshout. “Il-lingwi kollha li l-istudenti tagħna jitgħallmu fl-iskola qed jesponu l-kultura tal-pajjiż li qed jirrappreżentaw. Għandna l-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, l-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Għarbi u ċ-Ċiniż. Jiġifieri għandna rappreżentazzjoni tal-lingwi kollha, il-kulturi tagħhom, l-ikel tagħhom. Din hija waħda minn sensiela ta’ attivitajiet li l-iskola qegħda torganizza minħabba li s-sena d-dieħla hija s-sena Ewropea tal-Wirt Kulturali,” spjegat il-Kap tal-Iskola.

It-tfal kollha f’din l-iskola medja għandhom bejn 11 u 12-il sena, u huma fil-Year 7 u Year 8 – jiġifieri s-snin li tradizzjonalment huma magħrufa bħala l-Form 1 u 2. Fl-iskola titħaddem sistema ta’ co-ed – jiġifieri t-tfal huma mħalltin bejn subien u bniet.

“Aħna nemmnu ħafna li l-istudenti jitgħallmu meta huma jesperjenzaw. U l-fatt li jistgħu jduru u jduqu ikel differenti, jaraw l-affarijiet… hawn it-teachers ovvjament u l-LSAs li qed jagħmlu xogħlhom sew… però l-istudenti jistgħu jduru l-istands, jaraw u jippruvaw l-ikel li jixtiequ huma,” żiedet tgħid il-Kap tal-Iskola.

Apparti l-ikel, ix-xorb u elementi oħra mill-kulturi differenti, matul il-ġurnata ttellgħu wkoll shows fuq il-palk prinċipali tas-sala. Din kienet l-ewwel sena li f’din l-iskola ġiet organizzata attività ta’ dan it-tip.