L-awtoritajiet fil-Ġermanja ammettew li ma kenux ippreparati biex jikkonfrontaw il-konsegwenzi tal-attakk terroristiku tas-sena l-oħra fuq Suq tal-Milied fi pjazza ta’ Berlin, li kien ħalla 12 maqtula.
F’dan l-attakk partikulari, Anis Amri, Tuneżin li kien qed ifittex il-kenn politiku, saq trakk għal fuq il-folla fis-Suq tal-Milied b’konsegwenzi traġiċi u devastanti. It-terrorista kien spiċċa maqtul fl-Italja erbat ijiem biss wara li wettaq l-istraġi.
F’għeluq l-anniversarju tal-attakk, il-Ministeru tal-Ġustizzja Ġermaniż talab skuża ‘għall-iżbalji li saru waqt li l-awtoritajiet kienu qed jirreaġixxu għat-terrur’. Dan wara li l-familji tal-vittmi qalu li ma ngħatawx l-informazzjoni relatata fil-ħin u li, wara, kienu ntbagħtulhom l-ispejjeż għall-proċessi tal-awtopsja fuq l-għeżież mitlufa.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja ltaqgħet mal-qraba tal-vittmi għall-ewwel darba wara li kienet akkużata dwar ‘nuqqas ta’ azzjoni’ wara l-attakk ta’ sena ilu fuq is-Suq tal-Milied fil-Pjazza ta’ Breitscheidplatz, fiċ-ċentru ta’ Berlin. Merkel, intant, żaret diversi drabi s-sit fejn kien seħħ l-attakk. Waħda minn dawn iż-żjajjar saret wara li s-Suq tal-Milied partikulari reġa’ kien inawgurat kmieni fix-xahar.
Qabel hi ltaqgħet mal-qraba tal-vittmi tal-attakk, diversi familji mġarrbin wasslu l-messaġġ li ‘il-Kanċillier kienet naqset milli taqsam il-kondoljanzi magħhom’.
Rapport ikkummissjonat mill-Gvern Ġermaniż semma diversi nuqqasijiet ‘fir-reazzjoni għall-attakk tad-19 ta’ Diċembru tal-2016’, fosthom il-fatt li ‘l-awtoritajiet damu daqstant biex jikkonfermaw l-identitajiet tal-vittmi lil qrabathom’.
Sadanittant, il-Ministru Ġermaniż għall-Ġustizzja, Heiko Maas, qal li l-pajjiż ‘ma kienx ippreparat biżżejjed’ għall-konsegwenzi ta’ attakk fuq dik l-iskala waqt li talab apoloġija lill-familji tal-vittmi tal-attakk ta’ sena ilu.
Il-Kanċillier Merkel u l-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, anki llum attendew ċerimonja tal-Knisja f’Berlin, li fakkret dan l-anniversarju iswed. Intant kien inawgurat monument ta’ tifkira f’Berlin biex jonora l-memorja tal-vittmi.
//= $special ?>

