Dalgħodu suppost għandu jibda l-proċess tal-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hekk kif fl-10.30am għandhom jitressqu l-Qorti Vince Muscat, George Degiorgio u Alfred Degiorgio quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit se tkun it-tielet Maġistrat li quddiema se jmur dan il-każ, wara li tnejn oħra qabilha rrifjutaw li jisimgħu l-każ. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech rrekużat mill-każ peress li aktar minn 30 sena ilu kienet fil-klassi ma’ oħt il-vittma, filwaqt li lbieraħ, il-Maġistrat Charmaine Galea rrekużat mill-każ peress li l-vittma kienet ikkritikat il-ħatra tagħha bħala Maġistrat.
Il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti istruttorja għandha l-irwol li tiġbor l-evidenza, u li tpoġġi lit-tliet imputati taħt att ta’ akkuża fi żmien 30 ġurnata jekk issib biżżejjed provi kontrihom. Jekk ma jitpoġġewx taħt att ta’ akkuża fiż-żmien stipulat bil-liġi, l-imputati jkollhom jinħelsu.
Filfatt, mhux magħruf jekk id-difiża tat-tliet imputati hijiex se terġa’ taddotta tattiċi ta’ dewmien. Kemm quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kif ukoll quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, kienet id-difiża tal-akkużati li għamlet it-talba għar-rekuża tal-Maġistrat.
Minn tfittxija ħafifa fuq il-website daphnecaruanagalizia.com, isem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma jidher imkien – li jfisser li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qatt ma kitbet dwarha. Madanakollu, fuq il-media soċjali, xi persuni nnutaw li l-vittma kienet semmiet lir-raġel tal-Maġistrat Stafrace Zammit f’xi wħud mill-kitbiet tagħha.
Is-seduta quddiem il-Maġistrat Stafrace Zammit mistennija tibda fl-10.30 ta’ dalgħodu f’Awla numru 7 tal-Qorti.
Materjal ieħor ta’ interess
Il-Maġistrat tilqa’ t-talba għar-rekuża fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Skoss ieħor fil-kors tal-ġustizzja: Il-Maġistrat Charmaine Galea tirrifjuta li tisma’ l-każ
Kont taf li t-tliet imputati jistgħu jaħarbu l-ġustizzja u jinħelsu darba għal dejjem?
//= $special ?>Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tintgħażel għall-każ ta’ Daphne Caruana Galizia