Lokali Parlament

“Il-poplu qed jaqta’ qalbu li ssir ġustizzja” – Beppe Fenech Adami

Arkivji

F’diskors imqanqal fil-Parlament, id-Deputat Beppe Fenech Adami qal li l-poplu Malti qed jaqta’ qalbu li ssir ġustizzja, speċjalment meta jara lill-Gvern jiftaħar li solva l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“L-ikbar kriżi li għandu l-pajjiż illum huwa li l-poplu Malti qed jaqta’ qalbu li ssir ġustizzja”, qal Beppe Fenech Adami meta ddeskriva bħala “ovvju” l-mod kif il-Gvern, fil-Parlament, ressaq numru ta’ emendi għall-mozzjoni oriġinali tad-Deputati Chris Said, u dan peress li l-Gvern Laburista huwa maħkum minn sensiela ta’ skandli u stejjer ta’ korruzzjoni mikxufa mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Id-Deputat Beppe Fenech Adami semma numri ta’ skandli u stejjer fosthom il-bejgħ tal-isptarijiet, il-bejgħ tal-passaporti, it-tixħim minn Keith Schembri, ir-rapporti tal-FIAU, l-irbit mal-kumpanija Nexia BT, ir-rabtiet mal-Ażerbajġan, ix-xiri taż-żejt mill-Ażerbajġan b’telf ta’ miljuni għall-poplu, il-bank Pilatus, u l-miljuni ġejjin mill-Ażerbajġan.

“Ma jridux jinvestigaw dawn l-iskandli”, innota Beppe Fenech Adami waqt li ddeskriva d-Deputati tal-Gvern bħala ‘kodardi’ li marru fil-Parlament mhux biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ tliet kwarti minnhom, iżda biex minflok jemendaw il-mozzjoni oriġinali bl-iskop li jimluha eloġji lilhom infushom u biex jipproteġu “lill-korrotti” fosthom.

Dwar il-mod kif il-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-qtil ġie solvut, Beppe Fenech Adami qal li l-poplu Malti qed idur fuq il-Gvern u jgħidlu biex ma jibqax jinsulentah. “Il-poplu għadu qed jistenna li jinstab min hu l-mandant,” qal Beppe Fenech Adami li temm jgħid li huwa skandaluż il-mod kif il-Gvern qed jipprova joqtol l-istorja.

“Daphne Caruana Galizia għamlet akkużi serji fil-konfront tal-Gvern tagħkom. Għandu jkollkom il-kuraġġ li jekk m’għandkom xejn x’taħbu, taqblu li ssir l-inkjesta biex tinstab il-verità,” temm jgħid.