Jekk il-Gvern ma jippubblikax id-dokumentazzjoni kollha, l-Oppożizzjoni se tkun lesta li titlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga x-xiri mill-Gvern ta’ shares mill-BOV minn flus ġejjin mill-bejgħ tal-passaporti.
Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco, il-Partit Nazzjonalista qal li kellha tkun il-media li tikxef il-mod kif il-Gvern uża flus ġejjin mill-bejgħ tal-passaporti biex jixtri shares fil-bank BOV.
Il-Partit Nazzjonalista spjega li skont avviż legali partikolari, il-flus mill-bejgħ tal-passaporti għandhom jiġu investiti biss fi tnax-il qasam li huma speċifikament imsemmija fil-liġi. Fost dawn hemm proġetti soċjali, proġetti edukattivi u oħrajn marbuta mas-saħħa u l-anzjani.
Għaldaqsant, il-mod kif il-Gvern uża flus mill-bejgħ tal-passaporti għal xiri ta’ shares fil-BOV, iqajjem numru ta’ mistoqsijiet li jeħtieġ li jkunu ċċarati, bil-Partit Nazzjonalista jinnota fl-istess stqarrija, li l-Gvern iġġustifika l-azzjonijiet tiegħu billi straħ fuq sentenza tal-liġi li tista’ tiġi interpretata b’mod wiegħsa.
“Il-Gvern għamel dan bil-moħbi tal-pubbliku, għax la kien hemm avviż mill-Gvern u l-anqas mill-BOV,” tgħid l-istqarrija, bil-Partit Nazzjonalista ssejjaħ lill-Gvern biex jippubblika d-dokumentazzjoni kollha – fosthom ‘cost benefit analysis’ biex ikun assigurat li l-flus tal-pubbliku ntefqu bl-aħjar mod possibbli. Jekk dan ma jsirx, l-Oppożizzjoni lesta ssejjaħ lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga hu, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>