Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Arresti waqt rejds kontra t-terrur

 

Il-Pulizija Britannika arrestat erba’ irġiel waqt rejds kontra t-terroriżmu li saru madwar South Yorkshire u f’Derbyshire, fis-sigħat bikrija tallum.

Intant, il-pulizija għalqu l-aċċessi madwar ċerti zoni sensittivi waqt li n-nies kienu evakwati minn diversi djar fis-sit taħt investigazzjoni, fiċ-ċentru ta’ Chesterfield. Esperti mat-taqsima tal-bomb disposal tal-Armata mexxew l-investigazzjonijiet ġo dar partikulari f’Chesterfield – b’raġel ta’ 31 sena li kien residenti f’dik id-dar jispiċċa arrestat fuq suspetti ta’ reati terroristiċi.

It-tliet irġiel l-oħra  kienu arrestati f’ Burngreave, Meersbrook u Stocksbridge, li huma zoni ta’ Sheffield.

L-erba’ suspettati aktar tard ittieħdu għall-interrogazzjoni f’għassa tal-pulizija f’West Yorkshire. Huma spiċċaw miżuma fuq suspett dwar sehem ‘fl-ippjanar u t-tħejjija ta’ azzjonijiet terroristiċi’ taħt it-Terrorism Act tal-2000.

Kelliema għall-pulizija sadanittant ħarġu stqarrijiet biex jaċċertaw lill-pubbliku li ‘kienu saru l-arresti kollha li riedu jagħmlu l-awtoritajiet f’dan il-każ’.