Lokali Parlament

FILMAT: “Jien se nivvota favur il-mozzjoni oriġinali għax m’għandix x’naħbi” – Adrian Delia

Il-Gvern iressaq emendi li bihom jiżnatura l-mozzjoni oriġinali

“Jien se nivvota favur il-mozzjoni oriġinali għax m’għandix x’naħbi. Nistieden lill-Gvern jagħmel l-istess jekk m’għandux minn xiex jaħbi”.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament meta kienet qed tiġi diskussa mozzjoni mressqa mid-Deputat Chris Said biex jitwaqqaf bord ta’ inkjesta skont il-liġi, magħmul minn 3 Imħallfin irtirati b’reżoluzzjoni approvata b’żewġ terzi tal-Parlament, u liema bord ta’ inkjesta jkollu l-irwol li jinvestiga uffiċjali pubbliċi u entitajiet pubbliċi li dwarhom saru allegazzjonijiet mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Jien se nivvota favur tagħha, għax jien m’għandix x’naħbi. M’għandix minn xiex niddejjaq u m’għandix raġuni waħda għalxiex nivvota kontra din il-mozzjoni,” qal Adrian Delia. “Nistedinkom, wieħed wieħed, partikolarment minn dawk li jaħsbu li din il-mozzjoni qegħda biex tinvestiga lili, biex tqumu bilwieqfa wieħed wieħed, stand up to be counted, u tivvutaw favur”, żied jgħid.

Imma fid-dibattitu, il-Gvern ressaq erba’ emendi li bihom żnatura l-mozzjoni oriġinali, u neħħa s-sens kollu tagħha.

Il-vot ta’ din il-mozzjoni bl-emendi għadha mill-Parlament b’36 favur u 29 kontra.

Qabel il-vot, fil-Parlament Adrian Delia dar il-mozzjoni oriġinali paragrafu, paragrafu – u qal li jaqbel ma’ kull parti. Qal li wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, il-mozzjoni oriġinali kienet qed tipproponi li ssir ġustizzja ma’ dak il-qtil.

“Din hija opportunità unika li dal-Parlament ikollu l-kuraġġ u minflok iħalli xi ħaġa kerha, tal-biża’, tat-tkexkix bħal dan il-qtil li jifred, jagħmel ġest favur il-poplu. Ġest favur il-ġustizzja. Nagħmlu ġest favur il-ħaqq u s-sewwa u nivvutaw flimkien. Mhux biex niddeċiedu aħna jekk dak li qalet kienx tajjeb jew le, kelliex raġun jew le.. imma biex nagħmlu l-proċess skont ma titlob id-demokrazija,” spjega l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia qal li flok jitgħajjru u jispekulaw, id-Deputati fil-Parlament kellhom jagħmlu l-iktar ħaġa loġika, u jużaw il-liġi tal-inkjesti li teżisti diġà, u jużawha biex tinħataf opportunità tad-deheb biex il-poplu Malti jkun mogħti l-ġustizzja.

Waqt li qal li hu stess jaqbel mal-mozzjoni ta’ Chris Said, il-Kap tal-Oppożizzjoni nnota li fuq in-naħa tal-Gvern kien hemm ħafna li allegaw li l-mozzjoni ġiet preżentata biex ikun investigat hu… iżda safrattant, ħadd ma qam u qal li se jivvota favur il-mozzjoni oriġinali.

Fid-dibattut tkellmu numru ta’ Deputati tal-Partit Nazzjonalista, fosthom id-Deputat Chris Said li ressaq il-mozzjoni, u li qal li bl-emendi li ressaq il-Gvern, dan wera’ li qed jibża’ minn investigazzjoni minn tliet Imħallfin għax għandu x’jaħbi. Tkellmu wkoll id-Deputati David Stellini, Ivan Bartolo, Edwin Vassallo u Beppe Fenech Adami.