Lokali Parlament

“L-emendi tal-Gvern juru li qed jibża’ mill-mozzjoni għax għandu x’jaħbi” – Chris Said

(Arkivji)
Id-Deputat Chris Said ressaq mozzjoni biex jiġu investigati uffiċjali u entitajiet pubbliċi bħall-Korp tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-FIAU. Madanakollu, il-Gvern ressaq erba' emendi li effettivament neżżgħu l-mozzjoni mressqa

“Il-Gvern, bl-emendi li qed jagħmel, qed juri li qed jibża’ minn din il-mozzjoni, u li qed jibża’ minn din l-investigazzjoni. Dan iwassalni biex nikkonkludi li l-Gvern għandu x’jaħbi, u għax għandu x’jaħbi, jibża’ li japprova din il-mozzjoni”. Hekk iddikjara d-Deputat Chris Said meta fil-Parlament ressaq mozzjoni (sekondata mid-Deputat Beppe Fenech Adami) biex jitwaqqaf bord tal-inkjesti biex jinvestiga uffiċjali u entitajiet pubbliċi li dwarhom saru allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u abbuż mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-mozzjoni titlob biex bord tal-inkjesti, magħmul minn tliet Imħallfin irtirati u approvat b’żewġ terzi tal-Parlament, jinvestiga l-imġieba ta’ uffiċjali u entitajiet pubbliċi partikolari u jkun stabbilit jekk dawn wettqux atti ta’ korruzzjoni, abbuż ta’ poter jew reati oħra, u biex fi żmien sitt xhur, jippreżentaw rapport li jkun ippubblikat b’mod sħiħ. Fost l-entitajiet pubbliċi li l-mozzjoni ssejjaħ li jkunu investigati hemm il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u l-FIAU.

Imma fil-bidu tas-seduta, Deputati tal-Gvern ressqu numru ta’ emendi għal din il-mozzjoni b’mod li neħħa ħafna mis-sustanza tagħha. “Il-Gvern ġie hawn b’erba’ emendi li jneħħu l-mozzjoni kollha u minflok jagħmlu emendi biex ifaħħru lilhom infushom f’sitwazzjoni fejn in-nies qed jistennew azzjoni u mhux daħk fil-wiċċ kif qed jipprova jagħmel il-Gvern,” innota d-Deputat Chris Said.

Meta kien qed jitkellem dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, id-Deputat Chris Said qal li l-politiċi għandhom l-obbligu li b’responsabbiltà kbira jassiguraw li ma jħallux kollox għaddej qisu ma ġara xejn. Chris Said innota li sfortunatament wasalna f’sitwazzjoni f’pajjiżna fejn is-swaba tal-qarnita tal-kriminalità jinsabu kullimkien. “Ma nistgħux nibqgħu ċassi u ma niġġildux il-kriminalità”, qal Chris Said waqt li nnota kif fl-aħħar snin, inħoloq ambjent kondjuċenti biex seta’ twettaq dan l-att kodard u kattiv.

“Min kien responsabbli li bi kliemu u b’għemilu ħoloq dan l-ambjent, għandu responsabilità ferm akbar xi jġorr, u llum jista’ jiffaċċja parti minn dik ir-responsabilità billi jivvota favur din il-mozzjoni, kif imressqa b’mod oriġinali, biex issir investigazzjoni serja dwar l-abbużi, ksur ta’ liġijiet u korruzzjoni li kitbet dwarhom Daphne Caruana Galizia,” qal id-Deputat Chris Said.

Chris Said żied jgħid li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu konsegwenza ta’ fejn jiġi l-pajjiż – fejn il-korrotti jirrenjaw u min jikxifhom jgħaddi minn kampanja preċiża ta’ stmerrija u tkasbir.

“Dan kien l-akbar qtil politiku f’pajjiżna għax Daphne Caruana Galizia kienet fuq quddiem nett tal-ħajja politika f’pajjiżna – tirsisti biex f’pajjiżna ma tirrenjax il-medjokrità u l-idea ta’ ‘kollox jgħaddi’”, qal Chris Said waqt li fakkar kif il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kixfet it-tixħim u l-ħasil tal-flus. “Flok l-istat semagħha u pproteġiha, kissirha b’kampanja feroċi kontriha,” żied jgħid waqt li nnota kif il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma sarx f’pajjiż fejn tirrenja l-liġi imma f’pajjiż fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jibqa’ ċass ma jagħmel xejn – waqt li l-provi ta’ dak li kixfet Daphne Caruana Galizia jitħallew jaħarbu fis-satra tal-lejl. Said semma wkoll lil Pilatus Bank u l-mod kif dan qed jopera fil-pajjiż qisu xejn mhu xejn minkejja dak kollu li nkixef dwaru.

“Ejja niffaċċjaw ir-realtà: għandna l-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna imnawrin b’ħatriet fihom ta’ nies partiġjani. L-istituzzjonijiet u awtoritajiet tilfu l-indipendenza tagħhom – illum qegħdin hemm biex iservu lill-Gvern u mhux liċ-ċittadini onesti. Din il-mozzjoni trid investigazzjoni fejn fallew dawn l-istituzzjonijiet,” qal Chris Said fid-diskors tiegħu.

Chris Said temm jgħid li l-mozzjoni kif imressqa minnu hija azzjoni biex tiddetermina, permezz ta’ investigazzjoni minn tliet Imħallfin li jgawdu l-fiduċja ta’ kulħadd, jekk l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għamlux xogħlhom.

“Il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt iserraħ rasu li għandu istituzzjonijiet li qegħdin hemm biex iħarsuh kontra kulħadd, u mhux biex iħarsu lill-Gvern, jew lil min jabbuża u jikser il-liġi,” rrimarka Chris Said waqt li temm jgħid li min m’għandux x’jaħbi ma kellu jkollu l-ebda diffikultà jivvota favur il-mozzjoni kif imressqa oriġinarjament, b’Chris Said itemm li bl-emendi li ressaq il-Gvern, intwera biċ-ċar li l-Gvern qed jibża’ għax għandu x’jaħbi dwar istituzzjonijiet li bl-aktar mod ċar mhumiex qed jiffunzjonaw minkejja li suppost huma t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.