Internazzjonali

L-Istati Uniti: Investigata traġedja bil-ferrovija rari f’Washington

 

L-aħħar investigazzjonijiet fl-Istati Uniti qed juru li ferrovija tal-passiġġieri li, nhar it-Tnejn, ħarġet mil-linji f’Washington u waqgħet minn fuq pont għal fuq highway ppakkjat bit-traffiku kienet daret ma’ kurva b’veloċità eċċessiva. Dawn huma l-aħħar indikazzjonijiet dwar it-traġedja qattiela li seħħet fil-ħin tar-rush hour meta l-ferrovija kienet qed tivvjaġġa minn Seattle lejn Portland.

L-aħħar rapporti rriferew għad-data recording mill-magna ta’ wara tal-ferrovija, tal-kumpanija Amtrak, li qabel l-inċident kienet qed tivvjaġġa b’veloċità ta’ 130 kilometru fis-siegħa f’zona tan-netwerk fejn l-ispeed limit kellu jkun bil-wisq anqas. Fl-inċident mietu talanqas tlieta waqt li weġġgħu ukoll aktar minn 70 li numru minnhom huma rappurtati f’kundizzjoni serja.

L-awtoritajiet li kkonkludew it-tfittxija fil-vaguni ma eskludewx li l-mejtin jiżdiedu aktar ma jgħaddi l-ħin. Kelliema għan-National Trasportation Safety Board (NTSB) qalu li l-investigaturi x’aktarx li jibqgħu fuq il-post tal-inċident għal ġimgħa jew għaxart ijiem.

Il-kelliema għat-trasport pubbliku sostnew li s-sewwieqa tal-ferroviji jridu jnaqqsu sew il-veloċità fl-inħawi fejn il-ferrovija qabżet il-linji. Il-ferrovija inkwistjoni kienet qed tipprovdi l-ewwel servizz tal-kumpanija Amtrak lill-passiġġieri fuq rotta ġdida partikulari. L-Amtrak topera l-aktar servizzi bil-ferroviji tal-passiġġieri fl-Istati Uniti, u tingħata l-finanzjament mill-Gvern.

Intant, il-ferrovija ħarġet mil-linji f’sezzjoni tan-netwerk li s-soltu tkun irriservata għall-ferroviji tal-passiġġieri. Dan meta wħud mill-vaguni spiċċaw litteralment ‘imdendlin ‘’il barra mill-pont’, bil-vaguni oħra li waqgħu għal isfel jispiċċaw mifruxin fit-triq u f’zona ta’ foresta biswit il-binarji għall-ferroviji. Il-ferrovija, dak il-ħin, kellha 86 abbord, fosthom 77 passiġġier u seba’ membri tal-ekwipaġġ tal-Amtrak u tekniku tal-ferroviji.