Marion Bartoli ħabbret li se tkun qed tirritorna fit-Tour WTA fl-2018. Bartoli fl-2013 rebħet b’sorpriża it-tournament ta’ Wimbledon, f’Awwissu tal-istess sena kienet ħabbret li rtirat.
It-tennista ta’ 33 sena ħabbret b’video fuq Instagram ilbieraħ filgħaxija li ddeċidiet li tirritorna fil-logħob milgħub. “Ninsab kuntenta li nħabbar li se nirritorna professjonalment is-sena d-dieħla. Ninsab ħerqana li narakom kollha fil-logħbiet tiegħi u naqsam l-emozzjonijiet sbieħ magħkom.”
Bartoli kompliet tgħid li se tkun sfida kbira, u għandha ħafna taħriġ quddiemha bi preparazzjoni. Il-Franċiża semmiet b’mod partikolari r-Roland Garros f’Pariġi iżda wkoll il-Fed Cup u Wimbledon.
Il-Franċiża qalet li qed tippjana li tirritorna fl-Open ta’ Miami f’Marzu. Fil-karriera tagħha Bartoli rebħet tmien titli WTA u l-aktar ranking għoli li kellha kien fis-seba’ post fid-dinja kemm fis-sena 2012 u fl-2013.
Hi kienet megħluba minn Venus Williams fil-finali ta’ Wimbledon fl-2007 iżda rebħet it-tournament sitt snin wara mingħajr ma tilfet is-set u għelbet lil Sabine Lisicki fil-finali.
Hi l-aħħar tennista Franċiża li rebħet Grand Slam u ħadmet fil-media minn meta rtirat. Is-sena l-oħra, Bartoli sofriet minn virus misterjuż li bih tilfet 20 kilo fil-piż u kienet sfurzata li tirtira minn avveniment ta’ ħbiberija qabel Wimbledon, iżda ħabbret xahar wara li kienet qed tirkupra.
//= $special ?>