Lokali Parlament

“Min hu kontra l-mozzjoni oriġinali għandu jġorr il-piż tal-ħtija” – Edwin Vassallo

Arkivji

Id-Deputat Edwin Vassallo ddeskriva l-emendi tal-Gvern għall-mozzjoni oriġinali tad-Deputat Chris Said bħala attentat biex jiżnatura l-mozzjoni mill-iskopijiet tagħha.

F’diskors fil-Parlament, id-Deputat Edwin Vassallo qal li l-mozzjoni kienet qed titlob li l-Gvern juri bil-fatti li l-ġustizzja mhux biss trid issir, iżda li trid tidher li qed issir, imma bl-emendi li ressaq, il-Gvern qed jerġa’ juri lill-poplu Malti li dan il-Gvern la jrid il-ġustizzja ssir u l-anqas ma jrid li l-ġustizzja tidher li qed issir.

“Min jibża’ jivvota favur il-mozzjoni oriġinali, jew min prova jbiddel il-mozzjoni, jikkonferma li qed iġorr il-piż tal-ħtija,” qal id-Deputat Edwin Vassallo fid-dikjarazzjoni qawwija tiegħu. “Għax min m’għandux ħtija, ma kellux isib diffikultà li jivvota fuq il-mozzjoni kif preżentata oriġinarjament mid-Deputat Chris Said,” żied jgħid.

Edwin Vassallo qal li ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ jagħti l-impressjoni li qed issir investigazzjoni meta “l-omm tal-istejjer tal-korruzzjoni”, il-Gvern żammha milli tiġi investigata. Quddiem dan kollu, qal Edwin Vassallo, il-politiċi qed jitilfu l-awtorità morali waqt li l-poplu qed jitlef il-fiduċja fihom. Hu żied jirreferi wkoll għal stħarriġ mill-Eurobarometer li jikkonkludi li l-Maltin ma jirrapurtawx il-korruzzjoni għax min iwettaqha jgħaddiha lixxa.

“Bil-korruzzjoni tagħkom stess kontu se timminaw lill-ekonomija ta’ Malta,” temm jgħid Edwin Vassallo meta rrefera għall-mod kif is-Soċjalisti ħbieb tal-Partit Laburista riedu jiklassifikaw lil Malta bħala ‘tax haven’.

Fi tmiem l-intervent tiegħu, id-Deputat Edwin Vassallo kkritika bl-aħrax lill-Gvern għall-mod kif qed jipprova jsallab lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jgħatti l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista stess, bid-Deputat Vassallo jgħid li dak kollu li qed jgħid il-Gvern Laburista huwa daħk fil-wiċċ.