Lokali Parlament

“Mozzjoni għax fil-pajjiż fadal min ma qediex id-doveri tiegħu” – David Stellini

Id-Deputat David Stellini qal li jaqbel mal-mozzjoni mressqa mid-Deputat Chris Said peress li fil-pajjiż fadal persuni jew entitajiet li ma qdewx id-doveri tagħhom kif mitlub minnhom.

Fid-diskors li għamel fil-Parlament, David Stellini qal li skont il-ħassieb u filosofu Platun, ġustizzja tfisser li kulħadd jagħmel xogħlu. “Il-ġustizzja mhi xejn ħlief li nagħmlu xogħlna tajjeb,” innota David Stellini li żied jispjega li dan ifisser li min ma jagħmilx xogħlu, ikun qed iwettaq inġustizzja. “Ġustizzja mhi xejn għajr li tagħmel dmirek… xejn inqas u xejn iktar,” qal id-Deputat Stellini.

Hu fisser kif il-ġustizzja tfisser sett ta’ obbligi li jekk kulħadd jissodisfahom, jirriżultaw f’komunità armonjuża. “Jekk hemm provi biżżejjed dwar korruzzjoni u l-awtoritajiet ma nvestigawx, mela allura qed titwettaq inġustizzja”, żied jgħid id-Deputat David Stellini waqt li esprima qbil ma’ dak propost fil-mozzjoni oriġinali, fejn jingħad li għandu jkun hemm tliet Imħallfin li jinvestigaw.