Lokali Parlament

“Niġu kompliċi tal-korruzzjoni jekk ma niġġilduhix” – Ivan Bartolo

Ivan Bartolo

“Jeħtieġ li l-marda tal-korruzzjoni ma tinfirixx u ma ssirx istituzzjonalizzata u jekk ma niġġildux il-korruzzjoni, nispiċċaw kompliċi aħna stess”.

Qal dan id-Deputat Ivan Bartolo meta fil-Parlament ipparteċipa fid-dibattitu dwar il-mozzjoni mressqa mid-Deputat Chris Said.
Ivan Bartolo li din il-mozzjoni kellha l-għan li teżamina u tiddetermina atti ta’ korruzzjoni, biex tixgħel id-dawl u tikxef fejn hemm abbużi ta’ poter u reati oħra.

“Min bla kuxjenza jinżel fil-ħama tal-korruzzjoni, jkun qed jistagħna inġustament u jirkeb fuq dahar ħaddieħor,” qal Ivan Bartolo meta spjega li l-korruzzjoni jfisser meta wieħed jisraq minn idejn ħaddieħor dak li bi dritt ikun imiss lil ħaddieħor. Hu fisser li l-indifferenza quddiem il-korruzzjoni hija kultura li jekk issir parti mis-soċjetà, twassal għal marda fil-qalba tas-soċjetà.

“Is-soċjetà jeħtiġilha il-kimoterapija biex toqtol il-kankru serju li qed imermer il-fibra morali tas-soċjetà,” qal Ivan Bartolo waqt li jekk din il-marda ma tkunx miġġielda fil-beraħ, “nispiċċaw kompliċi wkoll u tispiċċa teqred lilna wkoll”.

Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Ivan Bartolo rrefera wkoll għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tal-2013, fejn l-Oppożizzjoni kienet bdiet proċess biex tidħol liġi ġdida dwar l-imġieba xierqa fil-karigi pubbliċi, partikolarment mid-Deputati tal-Parlament, kif ukoll biex ikun introdott Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Id-Deputat Bartolo nnota kif sal-lum, dan il-Kummissarju għadu ma ġiex appuntat anke jekk illum aktar minn qatt qabel tinħass il-ħtieġa għalih.

“Il-korruzzjoni hija opra mudlama li tintiseġ minn suspetti, intriċċi biex wieħed jiggwadanja u jakkwista,” qal id-Deputat Ivan Bartolo waqt li ddeplora l-kultura korrotta fejn il-korrott jidra fil-kumdità tal-isfruttament ta’ dawk aktar vulnerabbli.