Il-koalizzjoni li qed tmexxi l-Arabja Sawdija għal kontra r-ribelli Houthi fil-Jemen qalet li interċettat missila ballistika li dawn ir-ribelli kienu sparaw lejn il-kapitali Sawdi, Riyadh. Dan kien irrappurtat mill-istampa tas-Sawdi waqt li xhieda f’Riyadh bagħtu ritratti fuq il-media soċjali biex juru ‘daħna kbira fl-ajru’. Fl-ebda ħin ma daħlu xi rapporti dwar vittmi.
It-Televiżjoni al-Masirah tal-Houthi qalet li l-missila kienet immirata ‘għal laqgħa tal-Mexxejja Sawdi li kienet qed issir ġo palazz f’Riyadh’. Il-palazz ta’ al-Yamama jservi bħala l-kwartieri-ġenerali tal-Uffiċċju tar-Re Sawdi, bil-media fl-Arabja Sawdija, imbagħad, tirrapporta ‘li l-missila kienet interċettata lejn in-nofsinar ta’ Riyadh’.
Ftit tal-ġimgħat ilu, missila oħra li kienet sparata mill-Jemen ma laqtitx bi ftit lill-ajruport fil-kapitali tal-Arabja Sawdija.
L-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti qegħdin jakkużaw lill-Iran b’li qed jipprovdi armi ta’ ċertu kalibru lir-ribelli Houthi, li ilhom mill-2015 jiġġieldu gwerra kontra l-Gvern tal-Jemen u l-koalizzjoni taħt it-tmexxija tas-Sawdi. L-Iran, iżda, ċaħad li qed jibgħat lill-armamenti inkwistjoni.
Sadanittant, rapport fuq il-websajt ta’ al-Masirah qal li l-isparatura tal-missila, tat-tip Burkan-2, kienet ‘reazzjoni għar-reati min-naħa tas-Sawdi u l-Istati Uniti kontra l-poplu tal-Jemen’.
Mill-banda l-oħra, is-Sawdi qalu li l-aħħar attakk ‘juri biċ-ċar’ li l-Iran qed ikompli jappoġġja lill-Houthi, bi sfida għal żewġ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
//= $special ?>

