Fil-Qorti, tkompli l-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-4p.m. wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit issospendiet is-seduta biex tagħti digriet fuq talba biex l-għażla tal-Maġistrat Stafrace Zammit mill-Prim Imħallef tiġi miflija mill-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) minħabba kwistjonijiet ta’ indipendenza.
1606 – Tkompli s-seduta.
1607 – Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tibda taqra d-digriet – il-Qorti qalet li minkejja ma tafx għaliex intgħażlet mill-Prim Imħallef, fl-ebda mument ma’ kien pressjoni, diretta jew indiretta. Lanqas biss kien hemm kuntatt għaliex kienet mgħarrfa li ġiet assenjata bil-każ mir-Reġistratur tal-Qrati Kriminali.
1616 – Il-Maġistrat ċaħdet it-talba għar-referenza Kostituzzjonali għaliex frivola u vessatorja
1617 – Wara dan id-digriet, jibda formalment il-proċess tal-kumpilazzjoni, bl-ewwel xhud ikun l-Ispettur Keith Arnaud.
1621 – Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia talab li minħabba li se jkun hemm xhieda dwar operat ta’ investigazzjoni attiva biex partijiet mix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud tinstema’ bil-magħluq.
1623 – Jibda jixhed l-Ispettur Keith Arnaud. Irrimarka biex l-Qorti twissi lil George Degiorgio li għadda rimarka fil-konfront tiegħu meta l-proċeduri kienu sospiżi. Il-Maġistrat fakkret li ħadd m’għandu jitkellem ma’ ħadd. L-Avukat William Cuschieri oġġezzjona li din ir-rimarka tkun rappurtata għax saħaq li mhux parti minn xhieda.
1627 – L-Ispettur Arnaud xehed li fis-16 ta’ Ottubru kien infurmat li persuna inqatlet fi splużjoni ta’ bomba f’karozza fi triq il-Bidnija. Hu ppreżenta faxxiklu ta’ ritratti tal-post.
1631 – L-Avukat Martin Fenech oġġezzjona għal dan u qal li d-difiża għandha jkollha l-kopji biex issegwi, waqt ix-xhieda.
1632 – Kif wasal fuq il-post, l-Ispettur Arnaud qal li l-vettura kienet mitfija min-nirien u l-post kien qed jingħalaq. Mill-investigazzjoni li saret, ġie stabbilit li l-vettura Peugeot 108 kienet mikrija lill-vittma Daphne Caruana Galizia. Hu qal li tkellem ma’ binha Matthew li kkonferma li ommu kienet tagħmel użu minn dik il-vettura. Kompla li ġie deċiż li jinħatru esperti barranin mill-Olanda kif ukoll l-FBI tal-Istati Uniti, dawn tal-aħħar kienu qed janalizzaw data ta’ telefonija filwaqt li l-esperti Olandiżi kienu qed jassistu fl-analiżi tax-xena tad-delitt.
1635 – Hu xehed li hu flimkien mal-Ispettur Kurt Zahra tkellmu mal-familjari tal-vittma u kkonfermaw li l-karozza kienet mikrija għand il-vittma għal dawn l-aħħar erba’ xhur. Ċavetta minnhom kienet għand il-familja u oħra kienet għand il-kumpanija li tikri. Il-karozza kienet użata mill-vittma l-Ħadd filgħodu u waranofsinhar użaha binha Matthew u pparkjaha barra mir-residenza. Dakinhar tal-attentat ħadd ma uża l-karozza qabel il-vittma għall-ħabta tat-3p.m.
1637 – Xi 2.55p.m. Matthew Caruana Galizia qal li ommu ħarġet sakemm reġgħet daħlet għax nesiet iċ-cheque book. Wara ftit reġgħet sejjer. Imbagħad sema’ l-isplużjoni u ra l-karozza taqbad iżda kien tard wisq biex jagħmel xi ħaġa.
1639 – Keith Arnaud kompla li l-post kien magħluq l-aċċess għal erbat ijiem sħaħ sabiex ikun aċċertat li tinġabar l-evidenza kollha. L-esperti Olandiżi waslu l-għada tal-isplużjoni u ġabru l-evidenza li kien hemm fuq il-post. Fit-tielet jum, inġabret il-karozza u tinsab monitored f’compound tal-pulizija li hu mgħasses b’cameras ta’ CCTV 24 siegħa kuljum.
1641 – Minn riċerka li saret fl-Olanda, l-isplussiv kien stabbilit bħala wieħed “organiku”. Keith Arnaud kompla li saret ħidma biex tinġabar evidenza tal-cameras fil-Bidnija u tal-madwar li jammontaw għal madwar 25 siegħa.
1643 – L-Ispettur Keith Arnaud kompla li mill-investigazzjoni ġie stabbilit li aktarx kien hemm xi ħadd fil-viċin li qed isegwi l-movimenti tal-vittma fil-ġimgħat ta’ qabel. Dan għaliex il-vittma ma kellhiex rutina fissa. Kienu stabbiliti postijiet fejn tista ssir osservazzjoni, fosthom iz-zona magħrufa bħala tat-Tarġa Battery. Parti miċ-ċint kien imwaqqa’ u wieħed jista’ jidħol f’fetħa fejn wieħed seta’ jara l-Bidnija kollha. Kompla li persuna li kienet fil-viċinanzi qal li kien innota vettura żgħira bajda li kienet tkun ipparkjata sikwit f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat. Il-persuna qal li dakinhar tal-isplużjoni, il-karozza kienet ipparkjata fid-direzzjoni lejn il-Mosta. Hu qal li baqa’ ħiereġ iżda fit-12.30p.m. il-karozza kienet għadha hemm. Martu ħarġet fis-2.30p.m il-karozza kienet għadha hemm. Il-karozza ma dehritx iktar wara li seħħ id-delitt.
1648 – L-Ispettur Arnaud qal li meta fittxew din il-fetħa innota post fejn kien hemm sigarett li deher frisk. Eventwalment waslet il-Pulizija tal-Forensika li għamlet analiżi tal-post kif ukoll analiżi tal-loqma tas-sigarett.
1650 – Hu qal li fil-ħin tad-delitt, Daphne Caruana Galizia kellha fuqha t-telefon ċellulari u l-aħħar attivita’ kienet għall-ħabta tas-2p.m.
1653 – L-Ispettur Arnaud qal li l-esperti tas-FBI bdew bil-ħidma tagħhom. L-esperti qalu li kien hemm numru ta’ Vodafone li nqata’ minn mat-torri tal-Vodafone fejn l-aħħar kuntatt kien fit-2.58p.m. u kien messaġġ minn numru ieħor tal-kumpanija Vodafone. Dan l-ewwel numru kien fil-viċinanzi tal-Bidnija filwaqt li t-tieni numru dak il-ħin kien jaqbad mat-torri magħruf bħala YMCA_A fil-limiti tal-Belt Valletta fit-tarf tal-Mediterran li kien qed iħares fuq il-baħar. “Dan saħħaħ it-teżi tagħna li kien hemm spotter fil-Bidnija għal min bagħat il-messaġġ minn fuq il-baħar.”
1658 – Qal li ż-żewġ numri inxtraw f’Novembru 2016, kienu attivati viċin Ħaż-Żebbuġ fl-10 ta’ Jannar 2017 dawn iż-żewġ numri kienu jikkomunkaw esklussivament ma’ xulxin u l-komunikazzjoni bejniethom matul dawn ix-xhur kienet tammonta għal madwar 20 minuta.
1700 – Fil-21 ta’ Awwissu, kienet irrekordjata attivita qrib iz-zona tal-Bidnija. “It-tielet u l-aħħar attivita’ f’dawn iż-żewġ linji kienet dakinhar tad-delitt fiz-zona tal-Bidnija u fuq il-baħar,” tenna l-Ispettur Arnaud. Wara dakinhar, l-attivita’ waqfet għal kollox. Wieħed min-numri tas-serje magħruf bħala IMEI ma kienx fil-fatt ta’ telefon ċellulari iżda kien GSM module li jieħu Sim card u jista’ jesegwixxi ordnijiet b’mod remot.
1706 – Minn iktar stħarriġ irriżulta li telefon ċellulari minnhom inxtegħel fis-1.41 a.m. fl-inħawi tal-Bidnija u baqa’ fil-post għal diversi siegħat mingħajr attivita’ sakemm intbagħat l-sms fit-2.58p.m. L-Ispettur Arnaud qal li mbagħad intefa’ għal kollox.
1710 – Il-movimenti tat-telefon ċellulari l-ieħor beda jaqbad diversi postijiet bħax-Xgħajra, Pembroke, tas-Sliema, il-Belt Valletta. Dan kienet pjuttost suspettuż u kien innutat li dawn is-cell towers kienu jħarsu lejn il-baħal u dan saħħaħ it-teżi li dan in-numru kien fuq il-baħar.
1712 – L-Ispettur Arnaud qal li esperti tal-isplussivi mill-Europol sabu biċċiet żgħar tal-plastik u biċċa plastik ħadra li din aktarx kienet parti minn board li jagħmel parti mill-GSM Module.
1715- L-Ispettur Arnaud jitlob biex ikompli x-xhieda tiegħu bil-magħluq. Il-Maġistrat Stafrace Zammit ordnat biex il-ġurnalisti joħorġu mill-Awla.
1719 – Il-ġurnalisti jerġgħu jidħlu fl-Awla – L-Ispettur Arnaud qal li kien ikkonferma li l-bomba tqabbdet minn fuq il-baħar. Kompla li s-Servizz tas-Sigurta’ interċetta telefonata tal-imputat George Degiorgio u nstemgħet telefonata li saret dakinhar tad-delitt fid-8.58a.m. li nqabdet mit-torri ta’ Baħar iċ-Ċagħaq fejn qal “għamilli pjaċir ibgħatli €5 Vodafone” lil terza persuna. F’telefonata oħra, Degiorgio ċempel lil terza persuna oħra ta’ 13-il sekonda, li isimha mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti, fejn qal “omissis għamilli pjaċir, ibgħatli €5 Vodafone u ibgħatuli messaġġ fuq dan” b’riferenza għan-numru. Fid-9.04 din il-persuna bagħtet il-kreditu lil Degiorgio fuq in-numru mitlub.
1727 – Għaldaqstant, kompla l-Ispettur Arnaud, kien hemm suspett li dawn in-numri kienu qed jintużaw minn George Degiorgio u għaldaqstant talbu wkoll il-profili tal-użu tat-telefons ċellulari ta’ ħu George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.
1729 – Mill-investigazzjoni irriżulta li l-aħwa Degiorgio kellhom dgħajsa kull wieħed. Fil-fatt, id-dgħajsa ‘Maya’ f’isem Alfred Degiorgio dehret ħierġa mill-Port il-Kbir dakinhar tad-delitt fis-7.58a.m.
1730 – Fit-2.55 p.m. fil-ħin li kienet attivita l-bomba, il-lanċa dehret dieħla lura, għamlet xi mument wieqfa qrib il-Barrakka t’Isfel u wara erba’ minuti kompliet dieħla fid-direzzjoni tal-Marsa.
1732 – Il-Pulizija osservat il-lanċa sorġuta fil-Marsa qrib il-potato shed.
1737 – Is-seduta tiġi fi tmiemha. Il-kumpilazzjoni tkompli tinstema’ għada bil-kontinwazzjoni tax-xhieda tal-Ispettur Arnaud. Għada wkoll ikompli jinstema’ r-rikors Kostituzzjonali quddiem l-Imħallef Silvio Meli dwar it-tneħħija tal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>