Lokali Qorti

SEGWI LIVE: Miċħuda it-talba għar-rekuża tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit

Illum għall-ħabta tal-10.30a.m. mistennija tibda l-kumpilazzjoni fil-każ kontra tliet irġiel li jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Il-Maġistrat Stafrace Zammit hi t-tielet Maġistrat li quddiemha se jibda jinstema l-każ wara li l-Maġistrati Donatella Frendo Dimech u Charmaine Galea laqgħu it-talbiet rispettivi għar-rekuża tagħhon.

George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala il-Fulu u Vincent Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, tressqu l-ewwel darba quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri fil-5 ta’ Diċembru li għadda akkużati fost oħrajn bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Minn dakinhar beda jiskatta iż-żmien ta’ 30 jum mitlub mill-liġi li matulhom irid ikun hemm deċiżjoni dwar jekk l-imputati għndhomx jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Segwi l-iżviluppi fuq din il-paġna hekk kif iseħħu

1015h – It-tliet imputati jaslu fil-bini tal-Qorti

1023h – Jasal fl-Awla Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista maqtula. Jaslu wkoll l-Avukati Benjamin Valenzia u Martin Fenech għad-Difiża, l-Avukati Therese Comodini Cachia u Evelyn Borg Costanzi li qed jidhru għall-familja u id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-Ispettur Keith Arnaud għall-Prosekuzzjoni.

1027h – Jasal ukoll l-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma u Francina Abela, li qed tidher għal Alfred Degiorgio. Preżenti wkoll l-Ispettur Kurt Zahra għall-Prosekuzzjoni

1030 – Jittella’ fl-Awla, Alfred Degiorgio akkumpanjat minn skorta ta’ pulizija.

1032 – Jittellgħu fl-Awla iż-żewġ imputati l-oħra, George Degiorgio u Vincent Muscat

1034 – Tidħol il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Tibda s-seduta. L-Avukat Francina Abela irrinunzjat li tirrappreżenta lil Alfred Degiorgio. Minflokha se jieħdu ħsieb id-difiża tiegħu l-Avukati Martha Mifsud u William Cuschieri.

1036 – L-Avukat Benjamin Valenzia avża lill-Qorti li ma jistax ikompli isegwi l-każ minħabba l-possibilita’ ta’ kunflitt ta’ interess. Il-Qorti issostitwiet lill-Avukata Valenzia bl-Avukat Josette Sultana bħala avukat tal-għajnuna legali. L-Avukat kap tal-Avukati tal-għajnuna legali Mark Sant se jidher għal Degiorgio minħabba li l-Avukat Sultana hi imsiefra.

1039 – L-Avukat Martin Fenech talab lill-Qorti jekk hemmx xi tħassib biex tisma’ l-każ bħalma ġara fil-każ tal-Maġistrati l-oħra. “L-unika preokkupazzjoni hi li hu żmien il-Milied”, tenniet il-Maġistrat Stafrace Zammit li donnha qed tindika li lesta tisma l-każ.

1040 – L-Avukat William Cuschieri qal li jista jkun hemm każ li l-Qorti mhux indipendenti minħabba r-rimarki tal-Prim Ministru li qal li għandu fiduċja li l-Prim Imħallef se jagħżel Maġistrat li jisma’ l-każ. Hu qal li hemm dubju dwar l-għażla tal-ġudikant. “Hemm indipendenza jew hemm pressjoni?” staqsa l-Avukat Cuschieri. L-Indipendenza hi mhux biss indipendenza mill-Eżekuttiv. “Kif il-Prim Imħallef jagħżel Maġistrat A minflok Maġistrat B?”, staqsa l-Avukat Cuschieri.  Għaldaqstant qed jitlob il-każ ikun referut fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fis-sede Kostituzzjonali tagħha biex tara jekk dan il-proċess ta’ għażla, imurx kontra d-Dritt Fondamentali ta’ Smiegħ Xieraq. Hu talab li sakemm tingħata din it-tweġiba, il-proċeduri għandhom jiġu sospiżi.

1045 – Il-Maġistrat Stafrace Zammit fakkret lill-Avukat li ż-żmien ta’ 30 ġurnata hu wieħed perentorju (fiss) iżda l-Avukat Cuschieri insista li dan jista jiġi estiż.

1049 – L-Avukati l-oħra tad-Difiża assoċjaw ruħhom u għamlu l-istess talba.

1052 – L-Avukat Cuschieri ikkwota studju li l-poteri amministrattivi tal-Prim Imħallfin fil-Qrati fil-pajjiżi tal-Commonwealth tista’ twassal għal nuqqas ta’ indipendenza tal-ġudikanti.

1059 – L-Avukat Cuschieri fakkar ukoll li l-vittma kienet dehret f’xi każ quddiemha. “Kont qed nagħmel xogħoli” – wieġbet il-Maġistrat.

1102 – Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qal li għall-ewwel darba, proċedura ta’ 160 sena twaqqgħet għar-redikolu. “Il-Poplu Malti qed jara ġustizzja ssir jew ċirklu?”. Hu tenna li l-liġi għandha kriterji ċari dwar ir-rekuża.

1107 – L-Avukat Jason Azzopardi għan-nom tal-familja Caruana Galizia qal li dak li tqajjem mid-difiża hija “fishing expedition” u tentattiv biex il-Maġistrat tabdika mill-obbligi tal-liġi. Fuq materja daqshekk importanti, id-Difiża ma kienitx kapaċi tikkwota sentenza waħda mill-Qrati Maltin jew il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-rekuża. Fakkar li l-Qorti f’dan l-istadju qiegħda biss tiġbor il-provi u mhux tiddetermina ħtija.

1111 – L-Avukat Martin Fenech ikkwota d-digrieti tal-Maġistrati Consuelo Scerri Herrera, Donatella Frendo Dimech u Charmaine Galea li irrispettaw il-prinċipji fondamentali. Hu qal li l-Qorti tiddeċiedi kuljum u kontinwament dwar kull tip ta’ evidenza jew xhieda li tista’ titressaq. “Dawn it-tliet min-nies għandhom drittijiet Kostituzzjonali u għaldaqstant it-talba għar-rekuża għandha tintlaqa'”.

1113 – L-Avukat Philip Galea Farrugia fakkar li kienet l-opinjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li l-Maġistrat Scerri Herrera kellha tirrekuża mill-inkjesta minħabba li kien hemm kawżi personali fil-konfront tal-vittma.

1116 – L-Avukat Jason Azzopardi ikkritika l-mod leġġer kif id-difiża qed tippretendi li l-Maġistrat tabdika mir-responsabbilta’ tagħha u akkuża lid-Difiża qed jippretendu li l-prinċipju ikun applikat b’mod frivolu.

1119 – L-Avukat Martin Fenech irrefera għall-Qorti Kostituzzjonali fejn laqgħet il-każ dwar ir-rekuża ta’ Imħallef. Hu qal li hemm każ ta’ two weights u two measures għaliex il-parte civile kienet talbet ir-rekuża tal-Maġistrat Scerri Herrera.

1121 – Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li ma tridx tqabbil ma’ każi li jinvolvu kollegi tagħha iżda tkun eżaminata is-sitwazzjoni personali tagħha biss fid-dawl tat-talba tar-rekuża.

1124 – L-Avukat Jason Azzopardi tenna mill-ġdid li l-Qorti m’għandha ebda raġuni legali biex tastjeni mill-tisma’ l-każ.

1130 – Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tissospendi s-seduta sabiex tagħti d-digriet dwar it-talba għar-rekuża.

1209 – L-Imputati jerġgħu jittellgħu fl-Awla. Is-seduta mistennija tkompli minn ħin għall-ieħor.

1214 – Il-Maġistrat lura fl-Awla. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ċaħdet it-talba għar-rekuża tagħha. It-talba ma hix msejsa fil-liġi jew sentenzi kostituzzjonali.

1217 – L-Avukat William Cuschieri insista dwar it-talba tiegħu dwar riferenza kostituzzjonali. Hu fakkar li l-Qorti m’għandhiex id-diskrezzjoni li tirrifjuta li tirreferi t-talba ħlief fil-kriterji speċifiċi li t-talba tkun frivola jew vessatorja. Il-mod tal-assenjazzjoni tal-Maġistrat għandha tkun eżaminata.

1225 – L-Avukat Philip Galea Farrugia qal li r-rwol tal-Prim Imħallef hu fost oħrajn li jassenja x-xogħol.

1229 – L-Avukat Therese Comodini Cachia għan-nom tal-familja Caruana Galizia qalet li sakemm it-talba qed tinkludi referenza għall-imparzjalita’, din diġa’ ġiet deċiża fid-digriet dwar ir-rekuża. Hi qalet li d-Difiża għandha d-dritt li l-każ jinstema’ fi żmien raġjonevoli, il-fatt li d-difiża li qed tgerger dwar pressjoni biex il-każ jinstema’ malajr juri li t-talba hi frivola u vessatorja. Hi kompliet li l-pressjoni msemmija mid-Difiża tkun rilevanti biss jekk kien hemm struzzjonijiet mill-Prim Imħallef lill-Maġistrat kif tmexxi l-Awla. Hi kkwotat diversi każi tal-Qorti Ewropea li fihom qalet li fejn jidħol l-assenjazzjonijiet ta’ ġudikanti, dawn ma jindikawx ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-qrati, diment li jkun hemm is-salvagwardji meħtieġa. Dwar il-pressjoni mill-media, Therese Comodini Cachia, fakkret li mhux biss il-ġurnalisti għandhom jirrapportaw dak li hu ta’ interess pubbliku. “Hawnhekk m’hawnx kampanja għaddejja mill-media iżda preċiżament id-dritt li jinfurmaw lill-pubbliku taħt il-liberta’ tal-espressjoni”.  Hi staqsiet b’liema mod li l-espressjoni ta’ fiduċja li saret f’kummenti mill-Prim Ministru lill-media bħala preġudizzju għall-Qorti milli tisma’ l-każ.

1253 – L-Avukat Martin Fenech qal li mhux qed jiġi diskuss il-mertu u li dak li ntqal mill-Avukat Comodini Cachia hi irrilevanti f’dan l-istadju. Hu qal li l-Prim Imħallef għandu diskrezzjoni amministrattiva assoluta fl-assenjazzjoni tal-Maġistrat u staqsa jekk din għandhiex tiġi eżaminata.  L-Avukat William Cuschieri qal li ebda mill-każi tal-Qorti Ewropea li kkwotat l-Avukat Comodini Cachia twaddbu ‘l barra. Hu qal li l-Qorti għandha tiddeċiedi biss jekk tirreferix jew le u jekk le, dan għandu jsir biss fuq il-bażi li t-talba hi frivola jew vessatorja.

1303 – L-Avukat Therese Comodini Cachia qalet li hawn sitwazzjoni “bizzarra” fejn id-Difiża qed tesprimi fiduċja fuq l-indipendenza u l-imparzjalita’ tal-Qorti iżda fl-istess waqt qed iressqu talba lil Qorti oħra sabiex tara għalfejn intgħażlet il-Maġistrat attwali.  Hi qalet li d-Difiża għadha ma tatx raġuni ċara għaliex qed tħoss li l-għażla tal-Maġistrat Stafrace Zammit tpoġġi lill-imputati fi preġudizzju.

1308 – Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit taġġorna s-seduta li mistennija tkompli fl-4p.m.