L-aġenzija Franċiża BEA-D ippubblikat progress report dwar l-inċident tal-ajrpulan ‘Fairchild Metroliner’ illi kien iġġarraf f’Ħal Kirkop nhar l-24 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet.
Ir-rapport juri li l-ajruplan laħaq għoli ta’ 260 pied, u tliet sekondi wara iġġarraf ftit ‘il barra mill-mitjar. It-titjira damet biss 10 sekonda.
X’dettalji ħarġu mir-rapport?
Ir-rapport jeskludi kompletament il-possibilta’ li l-ajruplan seta’ ntlaqat minn xi għasafar. Jeskludi anke l-fattur tar-riħ bħala kawża tal-inċident.
Dwar ir-rifless tax-xemx, l-investigaturi jgħidu li għadhom ma eskludewx kompletament dan il-fattur, għalkemm hu ċar li dan waħdu ma kienx se jwassal għall-inċident.
Skont dan l-istess rapport, bejn l-2015 u l-2016 kienu saru diversi modifiċi. L-ajruplan kien tbiddel b’mod li kellu fih total ta’ 6 postijiet. Ir-rapport għadu jrid jinvestiga dawn il-modifiċi, u anke x-xogħol ta’ manutenzjoni li possibilment kien hemm.
L-investigazzjonijiet fuq is-sistemi tal-kontroll u l-istrumenti tal-ajruplan għadha qed issir. Intqal ukoll illi ċertu dokumenti għadhom miżmuma mill-awtoritajiet Maltin, u dawn għad iridu jiġu proċessati.
Min huma l-ħamsa li mietu?
F’dan l-inċident kienu mietu ħames Franċiżi. Skont il-Gvern Malti, l-ajruplan kien pajjiżna fuq operazzjoni ta’ sorveljanza mid-Dwana Franċiża kontra l-kutrabandu fil-Mediterran.
Il-membri tal-ekwipaġġ kienu kollha impjegati ta’ CAE Aviation. Il-Kmandant kellu 30 sena filwaqt li l-ko-pilota kellu 70. It-tnejn kellhom liċenzji FAA.
Fuq wara tal-Fairchild kien hemm il-kordinatur tekniku u żewġ membri oħra li kellhom bejn it-32 u t-52 sena.
L-ajruplan ‘Fairchild Metroliner Mark 3’, reġistrat l-Istati Uniti u mikri lil kumpanija mil-Lussemburgu, kien sar ballun ta’ nar eżatt malli mess l-art. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin ta’ filgħodu.
//= $special ?>