Ir-rivali politiċi fir-reġjun tal-Katalonja qed jagħmlu l-aħħar appelli lill-votanti waqt l-aħħar jum tal-kampanja , qabel l-elezzjoni reġjonali għall-Katalani li l-Gvern ta’ Spanja qed isejjaħ għall-Ħamis.
L-istħarriġ popolari jindika li l-partiti li huma favur u kontra l-indipendenza tal-Katalonja mill-bqija ta’ Spanja jinsabu ras-imb-ras, b’dan ifisser li l-kriżi politika tal-Katalani x’aktarx li għadha ‘il bogħod minn soluzzjoni.
Spanja imponiet l-amministrazzjoni diretta fuq il-Katalonja f’Ottubru fost il-furur dwar ir-referendum kontroversjali għall-indipendenza tar-reġjun mill-kumplament tal-pajjiż. Ir-referendum kien segwit b’dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-eks-Tmexxija Katalana u li qanqlet reazzjoni immedjata mill-Gvern tal-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, li keċċa lill-eksgvern Katalan u impona amministrazzjoni diretta fuq ir-reġjun.
Intant l-eksPresident Katalan, Carles Puigdemont — li tkeċċa mill-kariga waqt l-eqqel tal-kriżi — qed isostni li Spanja teħtieġ twarrab l-akkużi kontra tiegħu u l-kollegi separatisti f’każ li huma jirbħu l-elezzjoni tal-Ħamis. Puigdemont, bħalissa, qed jgħix fil-Belġju fi stat ta’ ‘eżilju impost fuqu nnifsu’ .
//= $special ?>

