Wieħed mill-imputati fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia ma tantx kellu kliem sabiħ għan-nies li dalgħodu kienu fl-Awla numru 7 fejn dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih u kontra ħuħ George Degiorgio u Vince Muscat.
Malli l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, għall-ħabta tan-nofs siegħa, issospendiet is-seduta għal waqfa qasira, it-tliet imputati nħarġu mill-Awla mill-uffiċjali tas-sigurta’. Malli nħareġ mill-Awla, Alfred Degiorgio lissen il-kliem “Ż*bb f’għ*xx kemm għandhom”. It-tliet imputati nħarġu mill-Awla wara li ntemmet ix-xhieda tal-Assistent Direttur tal-Ħabs – għaldaqstant mhux magħruf jekk il-kliem ħażin kienx indirizzat għaliha jew inkella b’mod ġenerali għal dawk kollha li kienu fl-Awla.
Sadanittant, l-aktar punti interessanti li ħarġu mill-kumpilazzjoni tal-evidenza mix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud huma dawn:
Il-loqma tas-sigarett taqbel mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio
L-Ispettur Keith Arnaud qal li minn studji forensiċi li saru, sar magħruf li l-loqma tas-sigarett li nstabet viċin il-Bidnija, ħden il-batterija ta’ Tarġa Gap, taqbel eżattament mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio.
Ftit wara l-qtil, George Degiorgio qal li qabad “żewġ ħutiet kbar”
Keith Arnaud qal li saru numru ta’ telefonati minn George Degiorgio wara l-ħin li sar il-qtil, fejn fihom qal li kien qabad żewġ ħutiet kbar.
“Buy me wine, my love”
Wara l-qtil, George Degiorgio bagħat messaġġ lill-partner bil-kliem “buy me wine, my love”. Intqal li n-numru tal-partner kien miktub fuq idu stess.
L-ispotter kellu jċempel għat-telefonata qattiela darbtejn
Il-persuna li kienet qed issegwi il-passi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kellha ċċempel darbtejn lill-persuna l-oħra li kellha tattiva l-bomba. Dan peress li eżatt x’ħin ħarġet mid-dar, Caruana Galizia kellha terġa’ tidħol lura biex tiġbor iċ-cheque book. L-Ispettur qal li saret l-ewwel telefonata li ġiet mitmuma malli l-ġurnalista daret u daħlet lura d-dar. Malli reġgħet ħarġet it-tieni darba, saret it-tieni telefonata.
Fil-baħar instabu l-mobiles personali ta’ tnejn mill-imputati
L-Ispettur qal li minn tfittxija li saret mill-Forzi Armati ta’ Malta, instabu numru ta’ mobiles. Kien stabbilit li tnejn minnhom kienu l-mobiles personali ta’ Vince Muscat u George Degiorgio. Il-mobile personali ta’ Alfred Degiorgio nstab imkisser mal-art, fit-tinda tal-patata fejn ġew arrestati.
Il-movimenti tal-mobiles li nxtraw apposta għall-qtil, jikkorrispondu mal-movimenti tal-mobiles personali
L-Ispettur Arnaud qal ukoll li mid-‘data’ kollha miġbura, jidher ċar li kważi l-movimenti kollha tal-mobiles li nxtraw f’Novembru tas-sena li għaddiet bl-iskop li jitwettaq il-qtil, jikkorrispondu mal-movimenti tal-mobiles personali użati mill-imputati.
Il-mobiles tal-akkużati kienu l-Bidnija fil-jiem ta’ qabel il-bomba
Fil-jiem ta’ qabel l-assassinju, in-numri tal-mobiles tal-imputati ġew irrekordjati li kienu fil-Bidnija. Daqqa kienu reġistrati tliet numri f’daqqa, u daqqa kienu reġistrati żewġ numri f’daqqa. Dan ifisser li aktarx, l-imputati qattgħu ġranet sħaħ josservaw id-dar ta’ Daphne Caruana Galizia fil-jiem ta’ qabel il-qtil.
“Għaliex qtilt lil Daphne Caruana Galizia?”
L-Ispettur Keith Arnaud qal li waqt l-interrogazzjoni, it-tliet imputati ma tkellmu xejn u ma taw l-ebda informazzjoni. Qal ukoll li t-tliet imputati ġew mistoqsijin għaliex qatlu lil Daphne Caruana Galizia, iżda ma ngħatawx risposti.
Il-bomba tpoġġiet taħt is-seat tax-xufier
Keith Arnaud qal li skont diversi esperti differenti, jidher li l-bomba tpoġġiet taħt is-seat tal-vittma fil-karozza li kienet qed issuq dakinhar li nqatlet.
“Rajt mara fi stat panikuż”
L-Ispettur Kurt Zahra qal li skont rakkont ta’ raġel li ra l-isplużjonijiet, jirriżulta li l-ewwel seħħet splużjoni li minnha tela’ duħħan abjad u f’dawk il-ftit sekondi ra mara fil-karozza fi stat panikuż. Ftit wara seħħet it-tieni splużjoni.
//= $special ?>