Lokali Qorti

F’telefonata ta’ 107 sekondi minn fuq il-baħar – instemgħet l-isplużjoni li qatlet lil Daphne Caruana Galizia

Il-loqma tas-sigarett, li nstabet fejn kienet il-karozza viċin il-post tal-isplużjoni, taqbel perfettament mad-DNA ta' Alfred Degiorgio

Wara testijiet forensiċi li saru – il-filter tas-sigarett li nstab ħdejn karozza fil-Bidnja, qrib il-post fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia, qabel mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio – wieħed mit-tliet imputati li dehru quddiem il-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-Qorti Vincent Muscat, George Degiorgio u Alfred Degiorgio dehru quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit – fejn fit-tieni jum tal-kumpilazzjoni komplew joħorġu aktar dettalji dwar il-qtil tal-ġurnalista.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni bix-xhieda tal-Ispetturi tal-Pulizija Keith Arnaud u Kurt Zahra resqu evidenza ta’ kif seħħ il-qtil. Spjegaw kif wara li ġiet irrappurtata li kien hemm karozza fil-bogħod tosserva l-post fejn seħħet l-isplużjoni li qatlet lil Daphne Caruana Galizia – instab filter ta’ sigarett li qabel mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio.

Sar magħruf ukoll li madwar minuta qabel seħħet l-isplużjoni li qatlet lill-ġurnalista, saret telefonata bejn il-persuna li kien qiegħed jistenna lil Daphne Caruana Galizia ħierġa mid-dar tagħha fil-Bidnija, u l-persuna li kienet qegħda fuq il-baħar tistenna biex iċċempel fuq il-mobile mqabbad mal-bomba biex tisplodi. Jidher li din it-telefonata baqgħet għaddejja għal 107 sekondi – biżejjed ħin biex dak li kien fuq il-baħar ikun jista’ jisma’ l-isplużjoni sseħħ fil-Bidnija.

Skont l-istess Spettur Keith Arnaud, jidher li qablet mal-verżjoni tat-tifel tal-vittma, Matthew Caruana Galizia, li tagħhom dakinhar. Jidher li saru żewġ telefonati bejn il-persuna fuq il-post fil-Bidnija, u l-ieħor li kien fuq il-baħar. Telefonata minnhom ma tantx damet hekk kif Daphne Caruana Galizia ħarġet mid-dar għall-karozza u wara reġgħet daħlet lura d-dar għax nesiet iċ-cheque book u għaldaqstant qata’ l-linja mal-ewwel bħala sinjal li mhux il-ħin li tisplodi l-bomba. Iżda mal-ewwel hekk kif reġgħet ħarġet mid-dar Daphne Caruana Galizia għall-ġol karozza biex tkompli fi triqtha, saret it-telefonata li damet 107 sekondi – it-telefonata li tat is-sinjal.

Ukoll, permezz tat-tekonoloġija avvanzata li intużat mill-FBI – sar magħruf li inxtraw numru ta’ SIM cards li bihom saret il-komunikazzjoni u t-telefonata li biha splodiet il-bomba li kienet fil-karozza. L-Ispettur Keith Arnaud ġab numru ta’ dokumenti li juru kif saret telefonata minfuq il-baħar fuq numru iehor – fejn wara tressqet evidenza li turi wkoll kif George Degiorgio, wara l-ispluzjoni, ċempel u qal li ‘qabad żewġ ħutiet kbar’, u wara bagħat messaġġ lill-martu bil-kliem: “buy me wine my love”, bir-risposta tkun “ok”.

Fil-Qorti wkoll, tressqet evidenza li qabblet il-pożizzjoni fejn kienu it-tliet persuni mressqa – flimkien mal-mobiles li nxtraw apposta biex twettaq ir-reat. Filfatt Keith Arnaud u Kurt Zahra resqu evidenza li turi kif huma kemm-il darba ltaqgħu flimkien jew telgħu waħedhom lejn il-Bidnija qabel is-16 ta’ Ottubru – id-data li fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia, u wara ma reġgħux resqu l’ hemm. L-istess sinjali telefoniċi urew li mobile minnhom li kien qiegħed fuq il-baħar, wara l-4 ta’ waranofsinhar, daħal fil-Port il-Kbir u qabad mad-data tower fil-Marsa.

L-istess Spetturi qalu li dakinhar li seħħ ir-raid fit-tined tal-patata fil-Marsa – huma sabu lit-tliet persuni hemm u mobile mkisser mal-art. Ukoll, wara investigazzjoni mill-bugħaddasa sabu tmien mobiles fil-qiegħ tal-baħar taħt id-dgħajsa ta’ Alfred Degiorgio, li kienet irmunkata fil-viċin tat-tinda tal-patata – u fosthom kien hemm il-mobile personali ta’ Vincent Muscat ukoll.

Xehed ukoll ir-raġel tal-ġurnalista maqtula, l-avukat Peter Caruana Galizia li rrakkonta dak kollu li seħħ lejliet il-qtil makabru, u kif ukoll dakinhar tal-qtil. Peter Caruana Galizia stqarr li hekk kif wasal fuq il-post fil-Bidnija, nofsiegħa wara li seħħet l-isplużjoni – kien l-Ispettur Kurt Zahra li tah l-aħbar ħażin, dik li martu nqatlet brutalment f’karozza bomba.

Skont informazzjoni li waslet għand NET News, jidher li George Degiorio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat għamlu strike tal-ġuħ, dan hekk kif skont huma qegħda ssir diskriminazzjoni magħhom għall-mod kif qed jinżammu f’kundizzjonijiet ħżiena ġewwa l-ħabs f’Kordin. Madanakollu jidher li bħalissa waqfu dan l-istrike, minkejja li hemm il-ħsieb li jista’ jkun li jerġgħu jibdewh. L-avukati difensuri ressqu rikors dwar dan.

Għall-prosekuzzjoni dehru l-Ispetturi Kurt Zahra u Keith Arnaud, flimkien mal-avukat tal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. Fl-awla flimkien mal-avukat Peter Caruana Galizia, dehru parte civile l-avukati Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi, u Eve Borg Costanzi.

Għad-difiża, deher l-avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech f’isem Vincent Muscat magħruf bħala ‘Il-Koħħu’, l-avukati William Cuschieri u Martha Muscat għal Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’, u l-avukat tal-għajnuna legali Josette Sultana għal George Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-Qorti se tkompli għada filgħodu fl-għaxar quddiem l-istess Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Aqra d-dettalji minuta b’minuta dwar dak kollu li seħħ fil-Qorti llum:

LIVE: “Loqma tas-sigarett li nstabet viċin il-Bidnija qablet perfettament mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio”