Raġel sofra ġrieħi gravi wara inċident fi Triq L-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta li seħħ ftit wara s-sitta u nofs tal-Erbgħa filgħaxija.
Jirriżulta li l-vittma kien għaddej lejn il-Belt Valletta meta min-naħa l-oħra tat-triq għal xi raġuni sewwieq ieħor li kien qed isuq vettura tat-tip Kia tilef il-kontroll f’liwja tat-triq.
Dan bil-konsegwenza li baqa’ sejjer man-naħa l-oħra tat-triq, dritt fuq il-bieba ta’ quddiem tal-vettura tat-tip Peugeot man-naħa tas-sewwieq.
Fuq il-post kellha tintalab l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili hekk kif ir-raġel spiċċa maqbud fuq ġewwa. Wara ħidma twila biex inqalgħu biċċiet mill-vettura, ir-raġel seta’ jinħareġ u ttieħed permezz ta’ ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei.
Mal-impatt intlaqtu wkoll numru ta’ vetturi oħra, fosthom karozzi li kienu pparkjati mal-ġenb tat-triq. It-triq kellha tingħalaq għat-traffiku miż-żewġ naħat waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

