Sport Sport Ieħor

Jason Magro jirbaħ id-Demolition Derby

Jason Magro fuq Volvo wara li ġie dikjarat rebbieħ tad-Demolition Derby (Ritratt: Mario Micallef)

Jason Magro fuq Volvo, rebaħ l-24 edizzjoni tad-Demolition Derby wara taqtigħa missielta ma’ Brian Lawrence Mascari fuq Volvo wkoll. Din l-attività kienet l-attrazzjoni prinċipali ta’ programm speċjali li l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzaw.

Din il-ġurnata daħlet sew fil-kalendarju tal-Assoċjazzjoni biex jinġabru fondi għall-Istrina. Minkejja l-kundizzjoni tat-temp li kkaratterizzat il-programm, l-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni xorta mxiet mal-pjan, b’total ta’ 80 kompetitur jieħu sehem. B’kollox irreġistraw 42 karozza iżda erba’ minnhom ma bdewx l-attività.

Mijiet ta’ spettaturi attendew għad-Demolition Derby li aktar mis-sena l-oħra kienet dominata minn diversi tipi ta’ karozzi. It-trakka kienet imxarrba appost minħabba s-sigurtà bl-organizzaturi jagħmlu sinjal għal bidu fit-3.35pm.

Id-Demolition bdiet b’żewġ dawriet ta’ esebizzjoni mal-korsa. Il-karozzi offrew spettaklu ta’ ħbit b’tattika speċjali qabel mal-karozzi jintremew bħala scrap metal.

Il-karozza Volvo moderna ta’ Magro spikkat minħabba li apparti l-ħoss sabiħ tal-magna, bdiet tagħmel manuvri sbieħ, filwaqt li s-sewwieq beda joqgħod attent kif jirċievi d-daqqiet kif ukoll fejn jagħti d-daqqiet lill-avversarji.

Wara ftit anqas minn 50 minuta, it-taqtigħa ntemmet bejn żewġ karozzi Volvo misjuqa minn Magro u Mascari. Dawn it-tnejn għamlu madwar tmien minuti jissieltu u jaraw min se jagħti l-aħħar daqqa biex xi ħadd minnhom jieqaf.

Ftit sekondi qabel tmiem il-kompetizzjoni, daqqa wiċċ ma’ wiċċ minn Jason Magro, ħalliet lil Brian Mascari wieqaf, biex b’hekk ħareġ rebbieħ.

Il-Kompetituri tad-Demolition Derby kienu Jonathan Cassar (Hyundai Stellar), Kevin Barbara (Hyundai Stellar), Michael Delia (Lada), Charles Mallia (Ford Escort), Brian Grech (Lada), Justin Grima (Lada), Francis Bugeja (Volvo), Deneckmar Fenech (Daewoo), Clint Farrugia (Hyundai), Leo Butler (Toyota), Stefen Farrugia (Volvo), Edward Zammit (Lada), Brian Lawrence Mascari (Volvo), Jonathan Abela (Volvo), Mauro Cassar (Lada), Chris Cremona (Volvo), Marlon Caruana (Datsun), Wayne Mallia (Kia Clarus), Dayan Aquilina (Lada), Frans Butler (Mercedes), Mario Butler (Volvo), Jason Magro (Volvo), Carl Mizzi (Volvo), Larkin Butler (Volvo), Philip Mangion (Lada), Axel Grech (BMW), Fabian Buhagiar (BMW), Charles Falzon (Hyundai Pony), Aldo Galdes (Hyundai Stellar), Glenn Borg (Marina), Horatius Cremona (Lada), Jurgen Camilleri (Datsun), Nigel Mercieca (Volvo), Oliver Camilleri (Marina), Brandon Gilford (Marina), Daniel Licari (Hyundai Stellar), Kurt Scicluna Standard Ensign u Clive Butler (Toyota Crown)

Tags