Lokali Qorti

“Keith Schembri ċempel l-FIAU jitlob biex ma jinvestigawx lil Pilatus Bank” – jixhed Peter Caruana Galizia

Aqra l-aġġornamenti minuta b'minuta mill-awla tal-Qorti

“Skont sors tal-mara tiegħi li jaħdem l-FIAU, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ċempel kemm-il darba l-FIAU jitlobhom biex ma jinvestigawx lill-banek privati – partikolarment lil Pilatus Bank”, kliem ir-raġel tal-vittma tal-ġurnalista maqtula, l-avukat Peter Caruana Galizia, waqt ix-xhieda tiegħu fir-rikors kostituzzjonali tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija dwar l-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li hu miżżewweġ ma’ Ministru fil-Kabinett tal-Gvern, fl-investigazzjoni tal-qtil tagħha.

L-avukat Peter Caruana Galizia semma’ fix-xhieda tiegħu quddiem l-Imħallef Silvio Meli kif hu għadu rrabjat għal dak li ġara u s’issa għadu ma sabx il-paċi – filwaqt li jemmen bi sħiħ li dan hu qtil politiku, hekk kif martu Daphne Caruana Galizia dejjem kitbet b’rabta mal-politika. Hu tenna li hu ovvju li martu nqatlet dwar dak li kitbet, jew dak li kienet se tikteb.

Filwaqt li preżenta dikjarazzjoni bil-kitba ta’ seba’ faċċati li fiha jingħata rakkont dettaljat dwar il-każ, hu tenna li jiftakar lill-martu tgħidlu li għandha sors li jaħdem fl-FIAU, fejn din il-persuna kienet tistqarr li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri talab kemm-il darba biex ma jsirux investigazzjonijiet fuq banek privati, u bl-istruzzjoni li partikolarment ma ssir l-ebda investigazzjoni fuq il-Bank Pilatus. Madanakollu, hu stqarr li ma jafx min kien dan is-sors tal-mara tiegħu.

Il-ġimgħa l-oħra, l-Imħallef Silvio Meli li qed jisma’ dan ir-rikors sostna li dan hu każ sensittiv ħafna u stieden liż-żewġ partijiet sabiex jilħqu ftehim bejniethom. Madanakollu, l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li dehru għall-familja Caruana Galizia tennew li huma għamlu kuntatt mal-uffiċju tal-Avukat Ġenerali, iżda irċivew ir-risposta minn naħa tal-avukat li kemm il-Kummissarju u kif ukoll id-Deputat Kummissarju se jkunu qegħdin il-Qorti – fejn indirettament irrifjutaw li jiltaqgħu barra l-Qorti, u ma kienx hemm qbil.

Peter Caruana Galizia żvela wkoll, li t-tfal tiegħu marru l-Ingilterra bir-rieda sħiħa tagħhom, sabiex jitolbu parir legali – fejn stqarr li kien affaxinat li l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħtihom id-dritt li jkollhom investigazzjoni indipendenti, imparzjali, u oġġettiva fil-qtil ta’ martu Daphne Caruana Galizia.

Minn naħa tagħhom, l-avukat tal-uffiċju tal-Avukat Ġenerali f’isem il-Kummissarju u d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, fil-bidu tas-seduta għamlu t-talba biex dan il-każ jinstema’ wara bibien magħluqa – iżda l-Imħallef Silvio Meli stqarr li hu jemmen fit-trasparenza sħiħa, u l-pubbliku għandu jkun infurmat b’dak li qed iseħħ minbarra fejn ikun hemm informazzjoni delikata tal-investigazzjoni tal-Pulizija.

 

Agħfas refresh biex issegwi l-aġġornamenti mill-awla:

09:36 – L-Imħallef Silvio Meli qal li bil-metidoloġija li qegħdin jużaw iridu jinsew li se joħorġu ta’ eroj, bir-risposta tal-avukat Jason Azzopardi tkun li mhux l-intenzjoni tagħhom li jsiru eroj. Tenna li l-għaqal tagħna jrid jaħdem għall-ġid komuni. Is-seduta ġiet aġġornata għal 11 ta’ Jannar fl-10am.

09:35 – L-avukati f’isem il-familja Caruana Galizia qalu li m’għandhomx aktar xhieda xi jressqu. Dan filwaqt li l-avukat tal-uffiċju tal-Avukat Ġenerali qalet li tixtieq li jitressqu aktar xhieda u ssir il-kontro-eżami f’ġurnata oħra.

09:32 – Silvio Valletta rrisponda għad-domanda, fejn qal li hemm seba’ persuni li għadhom qegħdin fuq Police Bail. Ikkonferma li hu r-raġel ta’ Justyne Caruana li hi membru fil-kabinett, u li hu membru fl-FIAU jipparteċipa f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija.

09:29 – Jitla’ jixhed id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta – fejn ġie mistoqsi mill-avukat Therese Comodini Cachia dwar jekk għandux sehem dirett fl-investigazzjoni u jekk hijiex immexxija mill-Pulizija Maltija. Silvio Valletta r-risponda li l-investigazzjoni qed titmexxa mill-Pulizija Maltija l-assistenza ta’ forzi barranin. Żied li l-investigazzjoni għadha ma spiċċatx – fejn qal li l-għan tal-Pulizija hu li l-investigazzjoni li ssib minn wettaq il-qtil.

09:26 – Mistoqsi mill-Imħallef dwar għalfejn dan hu qtil politiku – ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia qal li hu jemmen li hu qtil politiku għax hu ovvju li hi nqatlet dwar dak li kitbet jew dak li kienet se tikteb. Qal li din hi l-konklużjoni personali u s’issa m’għandu l-ebda provi. Peter Caruana Galizia qal li s’issa għadu ma ħareġ l-ebda motiv, iżda hi dejjem kitbet b’rabta politika.

09:24 – Mistoqsi mill-avukat Therese Comodini Cachia dwar il-ħsieb tiegħu personali dwar għalfejn għandha s-seħħ din il-kawża – emozjonat Peter Caruana Galizia qal li hu għandu rrabjat dwar dak li ġara u ma jistax isib paċi miegħu innifsu dwar dak li ġara – u ħass li kellu jieħu dan il-pass il-Qorti b’rispett lejn martu Daphne Caruana Galizia

09:22 – Ir-raġel tal-vittma qal li kien affaxxinat bil-kliem li l-familja tiegħu għandu d-dritt ‘għal investigazzjoni indipendenti, imparzjali u oġġettiva’ kif inhu stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Hu tenna li t-tfal tiegħu kienu marru l-Ingilterra għall-parir legali bir-rieda tagħhom stess.

09:20 – Dr Peter Caruana Galizia qal li kienu bagħtu ittra qabel ma nfetħu l-proċeduri l-Qorti, data 17 ta’ Novembru 2017 u kienet indirizzata lill-Kummissarju tal-Pulizija – fejn l-ittra kienet indirizzata li ma jkun hemm l-ebda kawża l-Qorti, iżda ma rċivew l-ebda risposta.

09:17 – L-avukat Peter Caruana Galizia qal li s-sors tal-mara tiegħu, li hu ma jafx x’jismu, fejn qal li Keith Schembri ċempel ta’ spiss l-FIAU biex jitlobhom ma jinvestigawx banek privati partikolarment lill-Pilatus Bank.

09:16 – Żied li jixtieq iżid xi ħaġa dwar xi ħaġa li ftakar li qaltlu martu. Tenna li l-oġġezzjoni tal-fmailja Caruana Galizia ma hijiex diretta personalment kontra d-Deputat Kummissarju personalment, iżda oġġezzjoni baħala membru tal-FIAU u minħabba l-fatt li hu miżżewweġ ma’ persuna li membru fil-kabinett tal-Prim Ministru. Fl-oppinjoni tal-avukat Peter Caruana Galizia li dan hu qtil politiku.

09:15 – Ir-raġel tal-vittma, l-avukat Peter Caruana Galizia, preżenta kopja ta’ dikjarazzjoni tax-xhieda tiegħu – dokument ta’ 7 faċċati.

09:15 – L-avukat Peter Caruana Galizia jibda jixhed.

09:13 – L-Imħallef Silvio Meli tenna li din il-kawża għandha tkun miftuħa għall-analiżi tal-pubbliku. Ovvjament meta titqajjem analiżi delikata, it-talba għall-magħluq tiġi kkonsidrata u deċiża skont il-każ. Għaldaqstant, l-Imħallef qal li f’dan l-istadju tirrifjuta t-talba li s-seduta ssir bil-magħluq.

09:09 – L-avukat Jason Azzopardi tenna li f’seduta ta’ importanza nazzjonali, il-ħabi mill-pubbliku ta’ dak li se jkun qiegħed jintqal f’dawn il-proċeduri, minbarra ovvjament jekk ikun hemm xhieda li hi marbuta direttament ma’ investigazzjonijiet oħra – għaldaqstant is-smiegħ għandu jsir fil-miftuħ.

09:06 – Saret talba mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali biex tinstema’ bil-magħluq minħabba li hemm investigazzjoni għadha għaddejja – iżda malajr tkellem l-Imħallef Silvio Meli li stqarr li hu jemmen fit-trasparenza u għaldaqstant s’issa ma jarax li hemm għalfejn ma jkunx hemm preżenti l-media u l-pubbliku.

09:05 – L-avukat mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali qalet li ma waslet l-ebda forma ta’ proposta lanqas minn naħa tal-familja Caruana Galizia. Għaldaqstant proponew li jibdew jinstemaw il-provi.

09:00 – L-avukat Jason Azzopardi informa lill-Qorti li kif hu u Dr Therese Comodini Cachia kienu mistiedna mill-Qorti fl-aħħar seduta sabiex tiġi esplorata l-possibilta’ ta’ ftehim. Hu stqarr, li huma kitbu lill-uffiċju tal-Avukat Ġenerlai jistaqsu jekk il-klijenti tal-Avukat Ġenerali, jiġifieri l-Kummissarju u Silvio Valletta, kellhomx xi proposti biex jiġu esplorati. Iżda lbieraħ ir-risposta li huma rċivew mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali kienet sempliċiment nota biex tgħid illi l-Kummissarju tal-Pulizija u d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta se jkunu preżenti għas-seduta.

Din kienet referenza ċara li l-partijiet ma għamlu l-ebda forma ta’ qbil barra mill-awla tal-Qorti.

Fl-istess waqt, l-Imħallef Silvio Meli jindirizza lill-ġurnalisti preżenti fl-awla fejn talabhom jiktbu s-sewwa ta’ dak li jintqal, bi kliem preċiż, u mhux jinkiteb frott l-immaġinazzjoni tal-ġurnalisti. Kompla jtenni, li s’issa l-ġurnalisti ġabu ruħhom bħala ‘laħam mibjugħ’.

08:59 – Jidħlu l-partijiet fl-awla – l-Avukat Jason Azzopardi flimkien mar-raġel tal-vittma l-avukat Peter Caruana Galizia. Fl-istess awla jidħlu l-Kummissarju tal-Pulizija u d-deputat Kummissarju Silvio Valletta flimkien mal-avukat mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.