Lokali Qorti

LIVE: “Loqma tas-sigarett li nstabet viċin il-Bidnija qablet perfettament mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio”

Telefonata bejn żewġ mobiles baqgħet għaddejja għal 107 sekonda biex tisma' l-isplużjoni fil-Bidnija

Dalgħodu fil-Qorti tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Vince Muscat, Alfred Degiorgio u George Degiorgio li qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza bdiet ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li din ma laqgħatx it-talba tad-difiża:

Agħfas ‘refresh’ biex taġġorna ruħek bl-aħħar żviluppi mill-awla:

14:44 – Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit taġġorna l-kawża għal għada fl-10 ta’ filgħodu.

14:43 – Tispiċċa x-xhieda tal-avukat Peter Caruana Galizia.

14:42 – Mistqosi dwar it-tul tal-isqaq tal-ġenb tad-dar, l-avukat Peter Caruana Galizia qal li hemm inqas minn mitejn metru.

14:38 – L-avukat Peter Caruana Galizia spjega l-mobile phone li kienet tuża.

14:33 – Dwar is-safra, Peter Caruana Galizia qal li s-Sibt huma marru Dublin,u ġew lura t-Tnejn 25 ta’ Novembru. Kien jaf bil-ftehim li jħallu l-karozza barra mal-Percius biex ikunu jistgħu jiġbruha. Dwar din il-vettura qal li hi kienet tużaha, iżda peress li l-iktar ma kinietx toħroġ it-tfal kienu jużawa. Juża wkoll it-tifel Matthew Caruana Galizia meta jiġi Malta, peress li hu jgħix barra – u meta kien ikun Malta biex joħroġ ma’ sħabu, u filfatt kien użaha l-ġurnata ta’ qabel il-qtil stess, il-Ħadd.

14:33 – Mistoqsi, u qal li Daphne Caruana Galizia ħadet magħha iċ-cheque book biex tmur tħallas lil Percius – kif kienet tagħmel normalment.

14:32 – Spjega li dakinhar kien hemm il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, fejn dakinhar huma ġew bir-rikors biex tinbidel il-Maġistrat. Skont l-informazzjoni li waslitlu, l-Maġistrat ma’ ħadet l-ebda xhieda.

14:29 – Peter Caruana Galizia qal li t-tifel tiegħu, Matthew Caruana Galizia, ħalla l-karozza tal-kiri barra filgħaxija. Kienet qegħda barra miċ-ċint, mill-entratura, barra mill-isqaq. Indika dan kollu fuq ritratt tal-post li ġie provdut.

14:27 – Spjega li wara ftit resaq lejh l-Ispettur Kurt Zahra li ma kienx jafu dak iż-żmien, staqsa jekk mitietx, u l-Ispettur kkonfermalu li mietet.

14:26 – Peter Caruana Galizia kien qiegħed man-nies mal-klijenti – daħal it-tifel tiegħu Andrew Caruana Galizia li ma dehrx tajjeb u daħal fl-uffiċju mal-klijent u qallu li jridu jmorru. Irrakkontalu l-ftit li kien jaf dwar il-bomba, u waslu fuq il-post xi 3,30 ta’ waranofsinhar. Qal li kien jaf li ġrat xi ħaġa twila, u t-triq kienet twila hekk kif ma kienux jafu d-dettalji.

14:22 – Intalab jispjega ġurnata qabel il-qtil, il-Ħadd 15 ta’ Orttubru x’ġara – u qal li ssolut filgħodu joħroġ dawra bir-rota ma’ sħabu iżda martu baqgħet rieqda wkoll. Meta ġie lura sab lil mara u MAtthew Caruan Galizia mqajmin – qal li hi ħarġet tixtri wara marret tieħu cafe in-Naxxar – u wara kellhom jiltaqgħu biex joħorġu flimkien. Huma wara marru Palazzo Parisio għall-ħabta tas-siegħa, u wara marru open day tal-Floriana u hemmhekk iltaqgħu mat-tifel l-ieħor. Matthew u Peter Caruana Galizia ma kielux, iżda wara Matthew ħa l-karozza l-Peugeot u Daphne rikbet ma’ Peter Caruana Galizia fejn flimkien saqu lejn il-Floriana. Dak il-ħin, Matthew Caruana Galizia ċempel u qal li mhux iħossu tajjeb u mar lura d-dar. Peter Caruana Galizia u Daphne Caruana Galizia marru jduru l-Floriana fejn niżlu anke fil-mina tal-istazzjon l-antik. Wara marru għand it-tifel l-ieħor fi Triq San Tumas. Wara Peter Caruana Galizia ġabar il-karozza mill-MCP u ġabar lil Daphne Caruana Galizia. Marru d-dar ma sabux lil Matthew hemm, u wara siegħa ġie qal u raqad, u mar għawma u ġew lura u baqgħu ġewwa.

14:21 – Jitla’ jixhed issa l-avukat Peter Caruana Galizia – ir-raġel tal-vittma.

14:20 – Kurt Zahra ġie mistoqsi dwar il-mobile mkisser li nstab fil-Marsa fit-tinda tal-patata, fejn qal li nstab viċin Vince Muscat, qisu kien miftuħ, b’xi ħadd waddbu mal-art u nfetaħ.

14:18 – Kurt Zahra tkellem li fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, George Degiorgio u Alfred Degiorio taw id-DNA tagħhom, iżda Vince Muscat ma aċċettax li jagħti d-DNA tiegħu. Semma’ kif l-aħwa Degiorgio ma tkellmux fl-interrogazzjoni ħlief li taw id-dettalji tagħhom, filwaqt li Vince Muscat tefa’ l-ID Card fuq il-mejda u ma tkellimx aktar.

14:13 – L-Ispettur Kurt Zahra irrakkonta x’ġara dakinhar tar-raid fil-Marsa fejn ġew arrestati t-tliet imputati – spjega l-operazzjoni tal-Pulizija u s-suldati. Semma’ li hu kien inkarigat imexxi l-iskwadra li daħlet minfuq il-baħar, filwaqt li Keith Arnaud ġie min-naħa tal-art. Semma’ li l-imputati ġew infurmati dwar ir-raġuni tal-arrest u d-drittijiet tagħhom.

14:11 – Kurt Zahra qal li tkellmu wkoll ma’ Peter Caruana Galizia u Matthew Caruana Galizia dwar il-laptop li kienet tuża Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif fix-xena tal-isplużjoni ma nstab l-ebda ħjiel ta’ dan il-laptop. Madanakollu, Matthew Caruana Galizia qal li fil-ġurnata ta’ qabel kien qiegħed jaħdem fl-istess kamra ma’ ommu fuq il-laptops tagħhom separatament, iżda ma kellux idea fejn ħadet il-laptop tagħha Daphne Caruana Galizia.

14:09 – L-Ispettur semma’ x-xhieda ta’ mara oħra li kienet qegħda fuq il-post, li rrakkuntat l-istess verżjoni ta’ Frans Sant – li l-ewwel kien hemm splużjoni żgħira b’daħna bajda, imbagħad wara ħadet it-tieni splużjoni bin-nirien.

14:08 – Kurt Zahra reġa’ dahar lura fuq l-argument ta’ bejn Matthew Caruana Galizia u Mario Vella – fejn il-Pulizija kkonfermat li ma ttieħdu l-ebda ritratti tal-post.

13:59 – Kurt Zahra tkellem dwar kif Mario Fenech, fix-xhieda tiegħu, stqarr li ċ-ċwievet tal-karozza jingħataw kopja lilha u kopja inżammet fl-uffiċju għal li jista’ jinqala. Semma’ kif Daphne Caruana Galizia kellha inċident bil-karozza u din ittieħdet għat-tiswija f’Settembru. Il-ftehim kien li Daphne Caruana Galizia kellha ssiefer, u sar qbil li minn naħa tal-Percius kellhom imorru għall-karozza barra mill-entratura prinċipali tad-dar fil-Bidnija. Percius imbagħad ħadu l-karozza għand it-tellar regolari tagħhom fejn saret it-tiswija. Din iċ-ċavetta mbagħad għaddiet ukoll għand l-isprayer – u wara tniżżlet Ħal Lija fl-uffiċini tal-Percius u minn hemm inġabret.

13:58 – Saret referenza għax-xhieda ta’ Mario Fenech, f’isem Percius – il-kumpanija tal-kiri tal-karozzi. Semma’ kif il-ftehim tal-kiri tal-karozza ma’ Daphne Caruana Galizia kien ta’ 5 snin, u għal bidu tawha karozza partikolari imbagħad f’Ġunju ingħatat karozza ġdida kif isir dejjem ma’ klijenti regolari.

13:56 – Kurt Zahra tkellem ukoll dwar dakinhar li ġew l-FBI, u kif ukoll saret referenza għal dak li ħabbar il-Prim Ministru – il-premju ta’ miljun ewro għal kull min għandu informazzjoni importanti li tingħata lill-Pulizija. Semma’ li din il-linja u dan l-appell għadu miftuħ.

13:55 – Tenna li saru eżerċizzji fis-CCTV cameras fil-madwar, u qed isir eżerċizzju biex isir kuntatt mal-propjetarji tal-għelieqi tad-dawra biex jaraw għandhomx xi informazzjoni.

13:53 – Kompla, li numru tal-Pulizija interrogaw lil Matthew Caruana Galizia. F’din ix-xhieda huma staqsewh dwar l-użu tal-karozza tal-kiri li splodiet – fejn qal li dakinhar tal-inċident ma ntużatx u l-lejl ta’ qabel il-karozza baqgħet barra l-entratura tal-villa.

13:52 – L-Ispettur Kurt Zahra spjega li ngħataw struzzjonijiet biex ix-xena tal-post ma’ tintmisx, u tiġi preservata l-evidenza.

13:50 – Kurt Zahra qal li taħt siġra, u barbed wire li kien maqluh instab il-loqma tas-sigarett li wara rriżulta fix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud, li qabel mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio – wieħed mit-tliet imputati.

13:47 – L-ispettur irrakkonta wkoll li ttieħdu d-dettalji ta’ Frans Sant – li dak il-ħin kien qiegħed isuq u ġej bid-direzzjoni opposta. Skont Frans Sant, jidher li l-ewwel splużjoni minnha tela’ duħħan abjad, u f’dawk il-ftit sekondi ra mara fil-karoza fi stat panikuż – imbagħad ftit wara seħħet l-isplużjoni l-kbira li ħarqet il-karozza.

13:43 – L-ispettur Kurt Zahra spjega li dakinhar ltaqa’ mat-tifel tal-vittma, Matthew Caruana Galizia – fejn dan tal-aħħar rrakkonta ix-xena tan-nirien u l-karozza maħruqa li ra. Kurt Zahra xehed li sar jaf ukoll li Matthew Caruana Galizia kellu argument ma’ ċertu Mario Vella fuq il-post tal-isplużjoni – dan hekk kif dan tal-aħħar beda jieħu ritratti tax-xena. Dak il-ħin Matthew Caruana Galizia qabad il-mobile ta’ Mario Vella u sabtu mal-art, fejn hemmhekk ġew fl-idejn.

13.39 – Jitla’ jixhed l-Ispettur Kurt Zahra, fejn qed jispjega dak li ra dakinhar li seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

————–

12.35 – Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit taġġorna għal siegħa, biex wara tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza.

12:29 – Bħalissa fl-awla qed tiġi diskussa l-ambjent li fih qegħdin jinżammu l-imputati fil-ħabs ta’ Kordin – u kif dawn qegħdin jingħataw tratament differenti minn ħabsin oħra.

12:28 – Wara li nstemgħet ix-xhieda tal-Assistent Direttur Mariella Camilleri wara bibien magħluqa – l-ġurnalisti reġgħu tħallew jidħlu fl-awla. Jidher li sar strike tal-ġuħ mit-tliet imputati minħabba l-kundizzjonijiet li qegħdin jinżammu fihom.

————–

12:10 – Il-Qorti laqgħet it-talba għall-magħluq biex ix-xhud tkun tista’ tixhed aktar b’mod komdu fl-awla. Il-media u l-pubbliku ġew żgombrati mill-awla. Aktar aġġornamenti hekk kif il-ġurnalisti jerġgħ jidħlu fl-awla.

12:08 – Saret talba biex ix-xhieda tal-Assistent Direttur Mariella Camilleri tinstema’ bil-magħluq. Id-difiża, bl-avukat William Cuschieri, oġġezzjonat hekk kif qalet li m’hemm l-ebda bażi għal din ix-xhieda biex ma ssirx fil-pubbliku.

12:05 – Jieqaf jixhed l-Ispettur Keith Arnaud.

12:02 – Keith Arnaud qal li saru numru ta’ telefonati b’sens umoristiku minn George Degiorgio wara il-ħin li sar il-qtil, fejn rrefera li qabad żewġ hutiet kbar, u wara bagħat messaġġ lill-partner bil-kliem “buy me wine my love”.

11:59 – Keith Arnaud qal li loqma ta’ sigarett li nstabet viċin il-post tal-Bidnija qablet perfettament mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio.

11:58 – L-Ispettur tal-Pulizija preżenta ritratt li juri l-mod kif inhi kkonfigurata l-GSM module li tqabbdet mal-bomba biex splodiet. Instab ukoll antenna li ma kinitx parti mill-karozza, iżda kienet parti minn din il-GSM module.

11:55 – Keith Arnaud preżenta ritratt li ntuża waqt l-interrogazzjoni li juri d-dgħajsa ta’ Alfred Degiorgio dieħla fil-Port il-Kbir.

11:53 – Keith Arnaud qal li domanda li saret komuni lit-tliet imputati kienet ‘għalfejn qatlu lil Daphne Caruana Galizia?’ – iżda ħadd minnhom ma rrisponda waqt l-interrogazzjoni.

11:51 – Vincent Muscat ma rrisponda l-ebda domanda li saret fl-interrogazzjoni mill-Ispetturi Kurt Zahra u Keith Arnaud. Ta biss id-dettalji tiegħu.

George Degiorgio ma tax id-dettalji tiegħu, iżda preżenta biss l-ID card tiegħu fuq il-mejda.

Alfred Degiorgio ma wieġeb l-ebda domanda wkoll.

11:50 – It-tliet imputati intalbu jagħtu kampjun tad-DNA, fejn l-aħwa Degiorgio kkollaboraw, iżda Vincent Muscat ma riedx.

11:48 – Il-Pulizija kelmet persuni oħra fl-investigazzjoni biex iqabblu n-numri tat-tliet imputati. Wieħed mill-persuni qal li ttopja n-numru ta’ George Degiorio kif kien mitlub li jagħmel.

11:46 – Fuq id-dgħajsa Maya ta’ Alfred Degiorgio, din ittieħdet fil-compound ġewwa ta’ Kandja biex isiru t-tfittxijiet.

11:46 – Il-karozza ta’ Vincent Muscat instabet fl-akwati tal-Imsida – u hemmhekk saret tfittxija fil-vettura u r-residenza wkoll fil-preżenza ta’ Vincent Muscat.

11:42 – Instabu wkoll karozza Audi sewda ta’ George Degiorio, flimkien ma’ Mercedes bajda li hi ta’ Alfred Degiorgio. Iċ-ċwievet tagħhom instabu fuq il-post, fejn saret tfittxija u ttieħdu xi affarijiet għall-Forensika.

11:38 – Keith Arnaud qal li saru tfittxijiet mill-bugħaddasa viċin id-dgħajsa ta’ Alfred Degiorgio bl-isem Maya. Instabu 8 mobiles fil-baħar kollha huma tat-tip Nokia 105.

Fil-baħar instab il-mobile ta’ Vincent Muscat li jispiċċa 7219, u kif ukoll żewġ mobiles oħra li ntużaw minn George Degiorio. Instab ukoll numru li jispiċċa 3741 tat-tip Samsung Galaxy. Instab ukoll 99088824, viċin id-dgħajsa Maya fil-Marsa. Dan hu l-istess mobile li ta l-aħħar sinjal lid-data tower tal-Vodafone mill-Marsa u wara spiċċa l-kuntatt.

Instab ukoll erba’ Nokia 105 blu oħra fil-baħar.

11:37 – Fil-Marsa wkoll, instab televixin mixgħawl, u hemmhekk saru l-investigazzjonijiet u analiżi dettaljata għall-DNA u tfittxijiet oħra. Irrimarka li t-tliet imputati inżammu hemmhekk matul it-tfittxijiet kollha fit-tinda.

11:36 – Mal-polz tal-id ix-xellugija ta’ George Degiorgio instab in-numru li jispiċċa 7216, li ntqal li kien tal-partner tiegħu.

11:33 – L-Ispettur Keith Arnaud qal li t-tliet persuni ġew arrestati fil-Marsa. F’din it-tinda tal-patata fejn ġew arrestati fil-Marsa, qal li hemmhekk instab mobile tat-tip Nokia 105 blu miftuħ, bil-mobile, battery u SIM card maqluha.

11:16 – Keith Arnaud qal li l-mobile li ntuża kien tat-tip Nokia 105.

11:13 – L-Ispettur tal-Pulizija qal li saru żewġ eżerċizzji separati mill-FBI u l-Pulizija Maltija bl-għajnuna tal-Europol, it-tnejn waslu għall-konklużjoni li l-mobile personali ta’ George Degiorio u l-mobile 99088824 – waslu għal konklużjoni li mxew fl-istess żona tul il-ġurnata kollha, imbagħad kif intbagħat l-aħħar SMS li minnu ħadet il-bomba waqfu l-kuntatti kollha.

11:12 – Keith Arnaud qal li l-mobile ta’ Vincent Muscat għamel numru ta’ drabi fil-Bidnija.

11:10 – Keith Arnaud jippreżenta aktar dokumenti li juru l-mobile personali ta’ Alfred Degiorgio kien qiegħed għal diversi drabi l-Bidnija – f’numru ta’ ġranet fil-Bidnija. Iżda dan il-mobile personali ta’ Alfred Degiorgio l-aħħar darba li resaq lejn il-Bidnija kien fil-15 ta’Ottubru.

11:03 – Keith Arnaud qal li  hemm similarita’ perfetta bejn il-mobiles personali tat-tliet imputati jaqbel eżatt mat-tliet mobiles li intużaw fl-isplużjoni. In-numru personali ta’ George Degiorgio jikkorespondi eżatt mal-99088824. Semma li kien hemm istanzi fejn it-tliet mobile: 99088820, 99088823 u 99088824 kienu qegħdin il-Bidnija fid-9 ta’ Ottubru – u anke fit-13 ta’ Ottubru kienu qegħdin fiż-żona ta San Pawl il-Baħar

Fl-14 ta’ Ottubru l-mobiles ta’ George Degiorgio u Alfred Degiorgio kienu qegħdin l-Bidnija flimkien.

11:00 – L-Ispettur Keith Arnaud preżenta mappa fejn hemm ic-cell tower tal-Vodafone – dan biex wieħed ikun jista’ jsegwi fejn kienu qegħdin il-mobile devices meta tqabbdu mac-cell tower.

10:58 – Keith Arnaud qal li ttieħed ritratt fejn juri lit-tliet persuni fit-tinda tal-patata fil-Marsa fit-28 ta’ Novembru meta dawn il-persuni kienu qegħdin jiġu investigati.

10:54 – Dwar il-mobile li kien fuq il-baħar – Keith Arnaud qal fil-lejl ta’ bejn il-15 u 16 ta’ Ottubru in-numru 99088824 għamel il-lejl  fuq il-post. Dan baqa’ mixgħawl wara l-isplużjoni u jagħti location update fl-4pm li kien konness mad-data tower tal-Marsa, fl-akwati tal-potato shed. Dan flimkien mal-footage tal-lanċa li daħlet taħt il-qanpiena tal-barrakka t’isfel.

10:51 – Keith Arnaud qal li interessanti t-telefonati li saru 14:55 (ta’ 44 sekonda) u 14:57 (107 sekonda) ta’ waranofsinhar – li saru mill-99088820 (li kien fil-Bidnija) lil mobile 99088824 (kien fuq il-baħar) – Keith Arnaud qal li dan jaqbel ma’ dak li qal Matthew Caruana Galizia li kien hemm żewġ telefonati hekk kif Daphne Caruana Galizia ħarġet mid-dar u reġgħet daħlet għax nesiet ic-cheque book.

Semma’ li jek fit-telefonata tal-02:57 ta’ filgħodu u żżid 107 sekonda – jiġi eżatt il-ħin li fih ħadet il-bomba, u b’hekk setgħet tinstema’ l-isplużjoni mill-mobile. Wara l-kuntatt fuq dan il-mobile waqfet.

10:47 – Fis-2.41 ta’ filgħodu, in-numru 99088824 inxtegħel u kien qiegħed f’dik iż-żona – u dan irċieva telefonata 99088820. Dan ifisser li kien fl-istess ħin meta inxtegħel il-mobile device li kien qiegħed mal-karozza – Keith Arnaud qed jipprova juri kif dawn il-mobiles kienu kollha relatati ma’ xulxin fl-istess żoni, ħinijiet, u anke saru attivitajiet ċellulari bejniethom. Bejn dawn iż-żewġ mobiles ġiet reġistrata telefonata fil-ħin li tqegħdet il-bomba.

10:44 – Keith Arnaud qal li George Degiorgio ttopja mil-mobile personali tiegħu fis-SIM card numru 99088824. Fejn il-call record wera, li n-numru ġie attivat fis-19 ta’ Awwissu 2017 u kellu kuntatti biss ma’ żewġ numri 99088820 u 99088823. Dan il-mobile kien ikun ħafna fid-drabi foż-żona ta’ San Pawl il-Baħar. Pero kien ukoll fiż-żona tas-16 ta’ Ottubru fejn immarka li kien hemm in-numru 99684366 – il-messaġġ bagħat l-SMS li attiva’ lill-bomba.

10:42 – Keith Arnuad qal li s-SIM Cards kellha drabi li ntużaw minn mobile partikolari, u ftit drabi ġo ieħor. In-99683752 kien ukoll imqabbad ġol-GSM module – fejn waħda minn dawn dawk il-ġranet li ntużat kien fil-ġurnata tal-qtil.

10:39 – L-Isptetur Keith Arnaud preżenta żewġ dokumenti li fihom hemm ma’ liem mobile devices tqabbdu s-SIM cards. Preżenta l-mudell tal-mobile li intuża, u qal li l-mobile 99684366 kien intuża minn terza persuna – iżda wara dan in-numru ingħalaq u reġa’ ħareġ għall-bejgħ fis-suq. Għaldaqstant dan in-numru tal-mobile għandu records ċellulari li kienu jintużaw mit-terza persuna qabel ma reġa’ spiċċa fis-suq.

10:36 – L-ewwel attivita’ ċellulari saret fit-13 ta’ Ottubru, pero imbagħad il-mobile device inxtegħel fis-16 ta’ Ottubru – dakinhar li ħadet il-bomba.

10:28 – Keith Arnaud preżenta wkoll log book ta’ telefonati u messaġġi li ntabgħtu minn żewġ numri fil-ġurnata tal-qtil. Dan id-dokument inkiseb permezz tar-records ta’ Vodafone. Is-sim card fil-mobile device li kienet mal-karozza kellu n-numru 99683752 li inxtegħel fis-2.41 ta’ filgħodu u kull siegħa ħalla ‘signalling data’ li juri l-post fejn inżamm il-mobile, u dan wera li l-mobile device dejjem baqa’ fiż-żona tal-Bidnija. Fis-2.59pm intbagħat il-messaġġ li bih il-bomba ħadet fil-Bidnija, barra d-dar ta’ Daphne Caruana Galizia. In-numru tal-mobile li minnu ntbagħat il-messaġġ kien 99684366.

10:23 – L-ispettur Keith Arnuad preżenta wkoll 19-il ritratt ieħor – li juru c-cell towers tal-Vodafone – fejn il-mobiles li intużaw inzertaw kienu Vodafone. Mingħand il-kumpanija tat-telefonija nkisbu dettalji dwar ic-cell towers biex jindikaw il-post fejn qegħdin. Ir-raġuni hi li biex wieħed jifhem fejn qegħdin dawn ic-cell towers. Semma’ li c-cell tower tal-Bidnija kien mitfi għall-manutenzjoni dakinhar, u għadlaqstant intuża ieħor fil-viċin għal dik iż-żona.

10:22 – Tenna li hu kien preżenti għall-investigazzjoni mal-FBI.

10:18 – Keith Arnaud xehed li fuq is-sit fil-Bidnija nstab ukoll mobile, li kellha l-vittma fuqha – instab maħruq pero xorta għad hemm partijiet mhux maħruqin mill-mobile.

10:17 – Keith Arnaud qal li preżenta 13-il ritratt, li tittieħdu wkoll fit-13 ta’ Diċembru – li fih hemm ritratt fil-post fejn hemm it-tarf tas-sigarett u kemm minn dak il-post iġġib il-villa b’mod ċar tal-vittma fil-Bidnija. Ukoll ittieħdu ritratti mill-villa ta’ Daphne Caruana Galizia li juri l-post fejn instab is-cigarette bud.

10:16 – Keith Arnaud qal li għadda kopja tar-ritratti tad-difiża.

10:14: L-Ispettur Keith Arnaud kompla jispjega x’jidher fir-ritratti. Hemm erba’ ritratti meħudin minn mobile fi Triq tat-Tarġa Battery fejn hemm indikat il-post fejn hemm il-ħajt tas-sejjieħ imwaqqa’. Dan il-punt tqajjem fl-ewwel seduta tal-kumpulazzjoni tal-lbieraħ.

10:13: L-Ispettur Keith Arnaud preżenta faxxiklu ta’ ritratti li fih b’kollox disa’ ritratti li huma snapchots minn Google Earth biex fihom indika r-residenza tal-vittma, ix-xena tar-reat, il-post fejn kienet ipparkjata l-karozza tal-vettura fil-lejl tal-15 u 16 ta’ Ottubru, il-post fejn saret l-isplużjoni (mill-crater li kien hemm fl-art) u l-post fejn spiċċat il-vettura wara l-isplużjoni. Hemm ukoll il-fdal tas-sigarett li nġabar dakinhar. Kull ritratt huwa nnumerat u ffirmat mill-istess Spettur.

 

Aqra dak li seħħ ilbieraħ hekk kif bdiet tinstema’ x-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud:

Tibda l-kumpilazzjoni: Jixhed l-ispettur Keith Arnaud