Internazzjonali

Spanja u l-Katalonja jlestu għall-vot

Hemm stennija kbira għal kif se jmur il-vot tal-Ħamis fir-reġjun tal-Katalonja. Elezzjoni reġjonali li jista’ jkollha konsegwenzi kbar mhux biss għal Spanja imma għall-bqija tal-Unjoni Ewropea. Dan peress li se tiġi eletta l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Katalonja. Amministrazzjoni li kienet xolta u ħafna minnha arrestata bħala riżultat tal-vot kontroversjali favur l-indipendenza li kien sar ftit xhur ilu. Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, dawk favur u kontra l-indipendenza jinsabu kważi ras imb ras. L-eks-President Katalan Carles Puigdemont qal li jekk dawk li jappoġġaw l-indipendenza jirbħu, Spanja trid twaqqa’ l-akkużi kontriħ u oħrajn li spiċċaw fl-inkwiet mal-awtoritajiet minħabba l-vot dwar l-indipendenza. Spanja kienet xoljiet l-ammi-nistrazzjoni mmexxija minn Puigdemont f’Ottubru u minflok ir-reġjun beda jitmexxa direttament mill-Gvern ta’ Madrid. Il-partit ta’ Puigdemont, il-JxCat, qed ikun imbassar li se jispiċċa fit-tielet post. Imma l-Partit tar-Repubblikani tax-Xellug tal-Katalonja (ERC) jista’ jikseb l-akbar ammont ta’ voti. L-ERC hu partit favur l-indipendenza. Dan ikun ifisser maġġoranza favur l-indipendenza. Puigdemont bħalissa qed igħix fl-eżilju fil-Belġju.