Internazzjonali

19-il persuna jweġġgħu serjament wara li karozza nstaqet għall-fuq in-nies fi triq popolari f’Melbourne

19-il persuna weġġgħu, b’uħud jispiċċaw f’kundizzjoni kritika meta kmieni dalgħodu fl-Awstralja karozza nstaqet għall-fuq in-nies fl-aktar triq popolari f’Melbourne, Flynders Street.

Jirriżulta li l-karozza nstaqet b’veloċita’ qawwija f’din it-triq popolari ħafna għax-xiri f’Melbourne u hemmhekk bdew jittajjru bl-addoċċ dawk il-persuni li sabu ruħhom quddiem il-karozza.

Ħafna mill-persuni li ttajru fil-ħin tal-attakk kienu qed jistennew cable car fuq stejġ fuq il-bankina.

Il-Pulizija Awstraljana qalet li arrestat żewġ persuni b’rabta ma’ dan l-attakk.

Wieħed minnhom, identifikat bħala x-xufier tal-karozza, ipprova jirreżisti l-arrest qabel inżamm mill-pulizija. Ir-raġel inkwistjoni — ċittadin Awstraljan ta’ oriġini Afgana — ilu żmien bil-vizzju tad-droga minbarra li għandu storja twila ta’ problemi mentali.

L-awtoritajiet mhumiex qed jitrattaw l-inċident f’Melbourne bħala wieħed marbut mat-terroriżmu.