Futbol Sport

Bayern Munich jiffirmaw lil Sandro Wagner mingħand Hoffenheim

Sandro Wagner flimkien mad-direttur sportiv ta' Bayern Munich Hasan Salihamidzic

Bayern Munich komplew isaħħu l-fażi offensiva tagħhom bl-akkwist tal-attakkant Sandro Wagner mingħand ir-rivali tal-Bundesliga Hoffenheim b’kuntratt sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2020.

L-attakkant ta’ 30 sena lagħab erba’ logħbiet ma’ Bayern Munich wara li kien ingħaqad mas-settur taż-żgħażagħ fl-1995, u ħalla lit-tim biex jingħaqad ma’ Duisburg fl-2008.

Hu skorja 15-il gowl fi 42 logħba ma’ Hoffenheim mill-2016. Hu kiseb ukoll post mat-tim nazzjonali Ġermaniż fejn sa issa lagħab seba’ logħbiet, u kien parti mit-tim nazzjonali Ġermaniż li rebaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

“Ninsab kuntent. Intemm vjaġġ twil għalija. Ninsab lura d-dar fil-klabb ta’ fejn trabbejt. Kuntent ħafna li kollox ġie rranġat. Bayern huma l-aqwa tim fil-Ġermanja u wieħed mill-aqwa fid-dinja. Ma ħsibtx fit-tul meta l-offerta waslet,” qal Wagner.

Id-direttur sportiv tal-klabb Hasan Salihamidzic esprima l-kuntentizza tiegħu  u saħaq li hu konvint li Wager se jsaħħaħ it-tim bil-kwalità u l-esperjenza tiegħu. It-trasferiment jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2018.