Futbol Sport

Birkirkara jħabbru tliet akkwisti

Srdan Dimitrov jipprova jwaqqaf lil Gilmar da Silva Ribeiro (Ritratt: Trevor Sollars)

Birkirkara bdew iħabbru l-akkwisti tagħhom biex isaħħu l-iskwadra għall-kumplament tal-istaġun, b’total ta’ tliet akkwisti. Wieħed minnhom hu Srdan Dimitrov, plejer li fl-istaġun li għadda kien wieħed mill-aħjar elementi ta’ Birkirkara, u ffirma kuntratt mal-klabb sa tmiem is-sena. Dimitrov lagħab 36 logħba fl-istaġun li għadda u skorja 10 gowls. Is-Serb f’dan l-istaġun kien qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-Latvja ma’ FS Rigas.

L-Istripes iffirmaw ukoll lid-difensur Brażiljan Fernando Barboso Pereira li bħal Dimitrov iffirma kuntratt sa tmiem l-istaġun. Id-difensur għandu 25 sena u l-aħħar li lagħab kien ma’ AD Nogueirense fil-Portugall. Aktar kmieni din is-sena, hu lagħab ukoll mal-klabb Brażiljan Alercim.

Birkirkara ffirmaw ukoll il-gowlkiper Kristijan Naumovski. Fil-passat hu lagħab mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u tal-kbar tal-Maċedonja, bl-aħħar logħba tiegħu mat-tim nazzjonali tkun fl-2014. Naumovski lagħab l-aħħar żewġ staġuni ma’ Hong Kong Pegasus f’Hong Kong. Hu lagħab ukoll ma’ Rabotnicki, Dinamo Bucuresti u Levski Sofia.