Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex l-aħwa Degiorgio u l-Koħħu jitpoġġew taħt Att ta’ Akkuża

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrce Zammit illum iddikjarat li t-tliet imputati b’konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hemm biżżejjed provi biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Dan wara li dalgħodu kompliet it-tielet ġurnata tal-kumpilazzjoni tal-provi kontra George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, huh Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu u Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu. Is-smiegħ mistenni jkompli fl-1 ta’ Frar.  Matul il-ġurnata tal-lum xehdu s-Surġent Brady Zammit u l-Kuntistabbli Josef Gerada u Saviour Scerri li taw iktar dettalji dwar l-investigazzjoni li saret wara li twettaq id-delitt.

Huma xehdu fost l-oħrajn dwar laqgħa li kellhom ma’ iben il-vittma Matthew Caruana Galizia, jumejn wara id-delitt. Mix-xhieda ħareġ li lejliet id-delitt, jiġifieri il-Ħadd 15 ta’ Ottubru, hu ltaqa’ ma’ ommu qrib it-Trade Fair Grounds fin-Naxxar fejn wara marru jieħdu kafe’ f’Palazzo Parisio. Il-karozza Peugeot 108 tħalliet fil-parkeġġ tat-Trade Fair Grounds sakemm eventwalment Matthew Caruana Galizia twassal mill-ġenituri tiegħu u hu ħa l-karozza u mar lejn l-Exiles fejn mar jgħum.

Meta mistoqsi mill-Pulizija, Matthew Caruana Galizia wieġeb li kien hemm ħinijiet meta l-karozza ma kienitx taħt għajnejh waqt li kienet ipparkjata f’Tas-Sliema. Fid-dawl ta’ dan, il-pulizija ġabret filmati mill-kameras tas-sigurta’ biex josservaw jekk kienx hemm movimenti suspettużi madwar il-vettura.

Il-Kuntistabbli Saviour Scerri qal li fit-23 ta’ Novembru kien inkarigat biex isegwi l-movimenti ta’ dgħajsa partikolari bl-isem Maya li kienet reġistrata fuq Alfred Degiorgio. Hu kien stazzjonat taħt il-monument tat-tifkira tal-Gwerra qrib il-Barrakka t’Isfel u fil-fatt kien ra d-dgħajsa dieħla fil-Port il-Kbir fid-direzzjoni lejn il-Marsa u għaraf ukoll lil George Degiorgio li kien qed isuq id-dgħajsa waħdu. Meta mistoqsi fil-kontroeżami mill-Avukat Martin Fenech, il-Kuntistabbli Scerri qal li hu qatt ma ltaqa’ ma’ Degiorgio imma jaf min hu mill-kors ta’ diversi investigazzjonijiet. Wieġeb ukoll li kien għaraf lill-imputat minn distanza ta’ madwar 70 metru bogħod anki bl-għajnuna taz-zoom tal-kameras.

Is-Surġent Zammit u l-Kuntistabbli Gerada u Scerri xehdu ukoll dwar it-tfittxijiet li saru fil-Marsa fejn seħħ l-arrest fl-4 ta’ Diċembru, kif ukoll fil-vetturi tal-imputati u r-residenza ta’ Alfred Degiorgio.

Mir-residenza ta’ Alfred Degiorgio, kienu elevati diversi tagħmir elettroniku u €4,800 fi flus kontanti li nstabu moħbija wara inkwadru.

Minn karozza Mercedes C-Class irreġistrata f’isem Alfred Degiorgio instabu pendrive, dokumenti, apparat tal-GPS, u internet key ta’ Go Mobile kompluta b’SIM card.

Minn karozza Audi A-4 reġistrata f’isem George Degiorgio, il-Pulizija elevat 4 pendrives u router, filwaqt li minn tfittxija fil-karozza Toyota Passo li hi reġistrata f’isem Vincent Muscat, ma kien hemm xejn ħlief xi dokumenti ta’ natura medika u xi dokumenti dwar kiri ta’ vettura.

Wara li xehdu it-tliet Pulizija, tela’ mill-ġdid fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Keith Arnaud fejn ippreżenta il-logs tal-attivita’ ċellulari tat-tliet imputati. Kien hawnhekk li d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia talab formalment lill-Qorti biex tiddikjara li hemm biżżejjed provi prima facie sabiex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Il-Qorti laqgħet din it-talba u s-smiegħ kien aġġornat għall-1 ta’ Frar. Minn hawnhekk, l-Avukat Ġenerali jista’ joħroġ formalment Att ta’ Akkuża fil-konfront tagħhom għalkemm minn informazzjoni li għandna, jidher li l-Prosekuzzjoni għad fadallha ħafna iktar evidenza x’tippreżenta.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. George Degiorgio hu assistit mill-Avukati William Cuschieri u Martha Muscat u l-avukat Martin Fenech qed jassisti lil Vincent Muscat filwaqt li l-Avukat Josette Sultana qed tidher għal Alfred Degiorgio.

L-Avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Evelyn Borg Costanzi, qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.