Lokali

FILMAT: 2,114 tifel u tifla se jaqtgħu xewqthom dan il-Milied

2,114 tifel u tifla li għal xi raġuni dal-Milied ma kienx se jkollhom min itihom rigal, issa se jaqtgħu xewqthom.
Il-kampanja ‘Children’s Dreams’ għandha l-għan li tassigura li ħadd ma jibqa’ mingħajr ir-rigal li kull tifel u tifla jkun qed jistenna fil-Milied. Kif tispjega Remanda Grech mill-Aġenzija Appoġġ waqt konferenza tal-aħbarijiet biex ikun immarkat l-għeluq ta’ din il-kampanja.

“Din is-sena, propju fil-ħames sena tagħha kellna 2,114-il ħolma li nistgħu ngħidu li ġew maqtugħa. Dan seħħ f’perjodu qasir ħafna, jiġifieri fi tlettax-il ġurnata, li fihom kull ħolma ġiet pleġġjata,” qaltilna Remanda.

Din l-inizjattiva bdiet f’Malta ħames snin ilu, u l-pubbliku jkun jista’ jagħżel ħolma u jwettaqha. Biex ħadd mill-2,114-il tifel u tifla ma jibqa’ mingħajr ir-rigal tal-Milied.

“Aħna naraw dawk it tfal li minħabba d-diffikultajiet li jkunu għaddejin minnhom ħa jibgħu mingħajr rigal tal-Milied u nitolbu x-xewqa tagħhom. Ngħidulhom x’inhi l-ħolma tagħkom ghall-Milied? Dawk ix-xewqat imbagħad jittellgħu fuq website, www.childrendream.org, u minn hemmmek il-pubbliku inġenerali jkun jista’ jaqta’ l-ħolm ta’ dawk it-tfal,” spjegatilna.
“B’sodisfazzjoni kbir nista’ ngħid li llum, ftit tal-jiem qabel il-Milied, dawk ir-rigali nġiebu kollha u kull tifel u tifla se jkollu l-ħolma tiegħu għall-Milied,” żiedet tgħid.

It-tfal ikunu ġejjin kollha minn sitwazzjonijiet vulnerabbli. Pereżempju tfal ġo familji li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet.

“Bħal ma nafu, il-Milied iġib miegħu ħafna spejjeż u mhux kulħadd ikun jista’ jaffordja dawk l-ispejjeż forsi żejda li jġib miegħu dawn iż-żminijiet. U għaldaqstant meta naraw familji li jkunu qed jaħdmu sena sħiħa, qed jagħmlu l-almu tagħhom, qed jidħlu ġewwa l-impjieg u qed iżommu dak l-impjieg, però fl-aħħar mill-aħħar xorta għandhom bżonn dik l-imbuttatura, aħna bil-qalb ngħinuhom biex fl-aħħar mill-aħħar naraw it-tbissima fuq it-tfal ukoll,” qaltilna Remanda.

Ħames snin ilu, l-inizjattiva ‘Children’s Dream’ bdiet b’mitt rigal imqassmin lit-tfal. Illum, aktar minn 2,000 tifel u tifla vulnerabbli se jirċievu rigal li mingħajr din l-inizjattiva, kienu jibqgħu mingħajru.