Illum seħħ l-iffirmar tal-ftehim kollettiv bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-UĦM.
Il-management tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità wasal għal ftehim flimkien mal-UĦM, u bis-saħħa ta’ dan il-ħaddiema tal-Kummissjoni ser igawdu minn titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fosthom żieda fil-paga għall-iskali kollha, aktar family friendly measures, l-introduzzjoni ta’ leave speċjali għal studju relatat max-xogħol jew mal-qasam tad-diżabilità, u aktar opportunitajiet ta’ progressjoni fil-karriera fi ħdan l-istess Kummissjoni.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna stqarr li dan il-ftehim kollettiv ser jagħmel id-differenza għall-ħaddiema tal-Kummissjoni u jinsab sodisfatt li sar dan il-qbil għal ġid tal-ħaddiema.
Is-Sur Jesmond Bonello f’isem il-UĦM qal li għall-ħaddiema tal-Kummissjoni, li jaħdmu f’settur li huwa sensittiv u vulnerabbli, dan il-ftehim kollettiv huwa importanti. Huwa importanti li nieħdu ħsieb il-ħaddiema sabiex dawn ikunu jistgħu jagħtu dejjem l-aqwa servizz.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis faħħar dan il-qbil li ħa jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Jinsab ottimist li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim kollettiv u inizjattivi oħra l-qasam tad-diżabilità ser ikompli jissaħħaħ. Enfasizza fuq l-importanza li l-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet ta’ xogħol tajbin u rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom.
//= $special ?>

