F’inqas minn sentejn il-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH), li xtrat uħud mill-Isptarijiet ewlenin f’pajjiżna, sfaxxat kompletament. NetNews.com.mt jista’ jikkonferma din l-aħbar li ilha tiċċirkola fost il-komunita’ tal-infermiera u t-tobba għal diversi jiem.
Jidher illi l-Gvern kien qed jaħdem minn taħt sabiex id-deal isir b’mod mill-aktar diskret, iżda s-sit elettroniku LovinMalta.com dalgħodu semma’ illi hija l-kumpanija Amerikana Steward Health Care li se tixtri il-Vitals.
Qed jiġi rappurtat kif il-Gvern Malti kien ta għajnuna kbira għall-Vitals biex jinstab xi ħadd interessat f’dan id-deal.
L-eks Kap Eżekuttiv ta’ Vitals, Armin Ernst, għamel perijodu impjegat ta’ Steward Medical Group bħala Chief Administrative Officer. U f’diversi rapporti qed jingħad illi issa reġa’ mar lura l-Istati Uniti ma’ Steward Health Care, u kien strumentali biex l-Amerikani jixtru l-VGH.
Kien f’Settembru 2015, wara ħidma tal-Ministru Konrad Mizzi, li ingħatat din il-konċessjoni ta’ 30 sena lil Vitals biex imexxu tliet sptarijiet f’Malta, fosthom l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-ftehim ma’ Vitals kien ifisser f’termini reali €70 miljun kull sena.
//= $special ?>