Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Alleat tal-Prim Ministru May jitkeċċa mill-Kabinett

 

Damian Green, wieħed mill-akbar alleati politiċi tal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, spiċċa mkeċċi mill-Kabinett wara li inkjesta ddeċidiet li hu kien abbuża l-kodiċi ministerjali.

Green kien ‘mitlub li jirriżenja’ minn Segretarju Ewlieni tal-Istat wara li nstab li hu kien ħareġ stqarrijiet ‘impreċiżi u qarrieqa’ dwar dak li kien jaf rigward rapporti li, fl-2008, instabet il-pornografija fuq il-kompjuter tal-uffiċċju tiegħu.

Hu anki talab skuża lil Kate Maltby, akkademika, ġurnalista u attivista mal-Partit Konservattiv fil-Gvern, wara allegazzjonijiet li hu, fl-2015, kien ġab ruħu b’mod mhux xieraq fil-konfront tagħha u fejn ‘ġiegħelha tħossha skomda’. Green kien spiċċa investigat dwar allegazzjonijiet ‘ta’ ċertu imġieba’ fil-konfront ta’ din il-mara u fejn ċaħad li hu ‘avviċinaha b’intenzjonijiet ħżiena.’

Ir-rapporti, intant, qalu li l-Prim Ministru May kienet iddispjaċuta li kellha tinsisti għar-riżenja ta’ Green, iżda hi ftit kien fadlilha għażla fiċ-ċirkustanzi. Sorsi oħra qalu li May, issa, ‘se tispiċċa aktar waħedha bin-nuqqas ta’ dan l-alleat fil-Kabinett’.

Intant, May esprimiet ‘id-dispjaċir’ fi stqarrija miktuba, iżda qalet ukoll li l-azzjonijiet ta’ Green ma kienux kompatibbli mal-kondotta li wieħed jistenna minn membru tal-Kabinett.

Damian Green, li effettivament kien il-‘Viċi’ tal-Prim Ministru, kien appoġġja l-kampanja biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea waqt ir-referendum storiku tas-sena l-oħra. Hu tkellem ta’ spiss fil-Kabinett għal proċess tal-Brexit ‘anqas riġidu u inflessibbli’.

Sadanittant, Green huwa t-tielet ministru tal-Kabinett Britanniku li rriżenja f’perjodu ta’ xahrejn. Dan wara li Sir Michael Fallon u Priti Patel kienu taw ir-riżenji rispettivi matul ix-xahar li għadda.