Internazzjonali

Spanja: Il-Katalani jivvutaw biex isolvu l-kriżi politika

 

Il-poplu fil-Katalonja qed jivvota f’elezzjoni reġjonali mill-aktar segwita, u li ssejjħet mill-Gvern Spanjol wara r-referendum kontroversjali għall-indipendenza tal-Katalani. L-elezzjoni– li r-riżultat tagħha mistenni għal-lejla – tinvolvi l-partiti li jridu Katalonja indipendenti u oħrajn li jridu li r-reġjun ikompli bħala zona semi-awtonoma ta’ Spanja.

Din hi elezzjoni missielta għall-aħħar fejn qed jiddomina l-element tad-dubju. Intant, ftit hemm prospetti li l-elezzjoni għandha ssolvi tassew il-kriżi politika tal-Katalonja.

F’Ottubru li għadda, il-Gvern Spanjol keċċa lill-Gvern Katalan wara li ddikjara r-referendum (fejn il-maġġoranza tal-Katalani vvutaw għall-indipendenza) bħala illegali.

Madankollu, il-gazzetta Spanjola El Pais sostniet li mal-miljun votant ‘indeċiżi’ jistgħu jkollhom il-kelma finali dwar il-Katalonja.

Il-Katalani ħarġu jivvutaw minn kmieni, fost pronostiku li madwar 85 tal-elettorat ( fir-reġjun) se jeżerċitaw id-dritt tal-vot ‘fl-aktar elezzjoni importanti fl-istorja tal-Katalonja’ u li tħalli impatt kbir fuq il-kriżi dwar l-indipendenza.

Skont diversi stħarriġ ta’ opinjoni pubblikati qabel l-elezzjoni, il-Partit Repubblikan tax-Xellug tal-Katalonja ( favur l-indipendenza) kien il-favorit li jispiċċa l-akbar entità politika fir-reġjun. Kien mistenni li dan il-partit ikollu vantaġġ żgħir fuq il-Partit Ciudadanos, li jrid l-għaqda ma’ Spanja.

Il-pronostiku kien li l-Partit JxCat ( favur l-indipendenza) ta’ Carles Puigdemont, li ġimgħat ilu tkeċċa minn President tal-Katalonja, se jispiċċa t-tielet. F’każ ta’ konferma ikun hemm nuqqas ta’ maġġoranza parlamentari favur l-indipendenza tal-Katalonja, bir-riżultat potenzjali ta’ negozjati fit-tul għall-formazzjoni ta’ Gvern.